Internazzjonali

Messiku: Salvati wara li nħatfu minn lukanda

Madwar 22 immigranti suspettati li nħatfu minn grupp ta’ irġiel armati li daħlu għalihom f’lukanda spiċċaw salvati wara sigħat ta’ twerir u inċertezza.

L-immigranti nħatfu meta l-aggressuri, nhar it-Tlieta, assedjaw il-lukanda Sol y Luna fil-belt ta’ Matehuala. Il-maħtufin, fosthom tfal u mara tqila, huma fil-parti kbira minn Kuba u Haiti, bl-oħrajn x’aktarx li ġejjin mill-Veneżwela.

L-irġiel li attakkaw il-lukanda anki ħatfu madwar 16-il Messikan li nħelsu ftit tal-ħin wara. Hu minnu wkoll li l-immigranti barranin instabu, ħafna wara, fi triq li tifforma parti minn zona remota u meta skont l-aħħar rapporti huma kienu qed jingħataw l-għajnuna medika għal ‘dak li għaddew minnu’.