Lokali

Ninsistu għal rimbors tal-ispejjeż għal dawk ir-residenti Maltin li kellhom jagħmlu kwarantina fil-lukandi

“Il-Partit Nazzjonalista mill-oppożizzjoni diġà qed iwettaq il-bidla.”

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista insista li d-deċiżjoni tal-Ministru Fearne illum, li jieqaf jibgħat residenti Maltin fil-lukandi bi spiża sa €1,400, tirrikonoxxi li l-Partit Nazzjonalista kellu raġun fl-appell tiegħu li sar mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech diġa nhar fit-13 ta’ Settembru u repetut f’konferenza stampa lbieraħ li l-kwarantina f’lukanda għal dawk li għandhom residenza Malta hija sproporzjonata u inġustifikata.

“Minn dakinhar ma nbidel xejn fis-sitwazzjoni tal-pandemija. Id-deċiżjoni tal-Gvern illum li jwaqqaf il-kwarantina fil-lukandi tikkonferma għaldaqstant li d-deċiżjoni inizjali tiegħu kienet arbitrarja u mhux ibbażata fuq bżonn ta’ saħħa pubblika.”

Il-PN saħaq li issa la l-Gvern jaf li żbalja jeħtieġ li jħallas. Hekk jagħmel meta jiżbalja ċittadin. Il-Gvern għadndu juri l-istess responsabbiltá u l-istess umiltá f’għemilu. Ninsistu li dawk il-mijiet li ntbagħtu fil-lukanda inġustament meta dawn kellhom residenza privata f’Malta stess jingħataw rimbors tal-ispejjeż li daħħalhom fihom il-Gvern.

Fin-nuqqas ta’ dan, Gvern ġdid Nazzjonalista ser jikkunsidra talbiet ta’ persuni li batew spejjeż bħal dawn inġustament bħala inġustizzji li jiġu indirizzati b’kumpens xieraq.