Internazzjonali

Provi tal-missili: Il-Korea t’Isfel ‘twieġeb’ lill-Korea ta’ Fuq iżda tinsisti li kollox kien ippjanat minn qabel….

Il-Korea t’Isfel ippruvat missila ballistika ġdida, ftit sigħat wara provi simili min-naħa tal-Korea ta’ Fuq komunista. L-azzjonijiet rispettivi qed jindikaw ‘tellieqa għall-armi’ fil-penisola Koreana waqt li l-proċess tad-djalogu mal-Korea komunista għadu staġnat.

Il-Korea ta’ Fuq kmieni llum sparat żewġ missili ballistiċi viċin il-kosta tal-pajjiż lejn il-lvant, bl-eżerċizzju jinvolvi l-ewwel prova f’sitt xhur għal missila ballistika mill-Istat komunista. L-ewwel informazzjoni twasslet mill-Korea t’Isfel li qed issegwi b’attenzjoni l-aħħar movimenti u manuvri tal-ġar komunista u meta l-aħħar provi qed jitqiesu bħala abbuż ċar tar-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti.

Fil-fatt, it-testijiet tal-missili mill-komunisti saru waqt li l-Korea t’Isfel u ċ-Ċina kienu għaddejjin bil-laqgħat fi sforz biex jipperswadu lill-Korea ta’ Fuq ħalli terġa’ tissieħeb fi djalogu dwar id-denuklearizzazzjoni.

Sigħat wara, il-Korea t’Isfel ittestjat l-ewwel missila ballistika (SLBM) li kapaċi tkun sparata minn sottomarin u li kien ippjanat minn qabel. Il-kelliema f’Seoul qalu li l-prova ma kenitx reazzjoni għall-isparaturi tal-Korea ta’ Fuq iżda l-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in qal li pajjiżu, issa, għandu ‘biżżejjed deterrent biex iwieġeb għall-provokazzjoni tal-Korea ta’ Fuq fi kwalunkwe żmien’.

Kien biss fil-bidu tal-ġimgħa li l-Korea ta’ Fuq ippruvat missila cruise ġdida bil-kapaċità li twassal fuq distanzi twal u bl-aħħar provi tal-missili ballistiċi juru li dan il-pajjiż baqa’ jiżviluppa l-armamenti l-kbar tiegħu minkejja li għaddej minn kriżi ekonomika akuta.

L-esperti jgħidu li l-Korea ta’ Fuq qed twettaq dawn il-provi biex ittejjeb it-teknoloġija tagħha waqt li żżid l-influwenza tagħha fin-negozjati mal-Istati Uniti. Dan meta l-Amerikani huma lesti li jneħħu s-sanzjonijiet imposti fuq Pyongyang dment li l-Korea ta’ Fuq twarrab għall-programmi nukleari u missilistiċi – u bil-komunisti qegħdin jiiċħdu għal skambju ta’ dan it-tip.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru tal-Ġappun, Yoshihide Suga fisser il-provi tal-Korea ta’ Fuq bħala ‘provokazzjoni’ u azzjoni inaċċettabbli. Dan filwaqt li saħaq li  azzjonijiet bħal dawn huma ta’ theddida sinifikanti għall-paċi u s-sigurtà fir-reġjun.