Lokali Qorti

Seba’ eks Sindki u Kunsilliera illiberati minn akkużi ta’ frodi miżappropjazzjoni u korruzzjoni

Seba’ eks Sindki u Kunsilliera li fil-passat kienu jagħmlu parti mill-Assojazzjoni Kunsilli Lokali (AKL) lura fl-2008 u qabel ma nstabux ħatja mill-Maġistrat Josette Demicoli fuq akkużi ta’ frodi, miżappropjazzjoni, korruzzjoni u abbuż mix-xogħol li kien jwettqu. Ftit aktar minn sentejn ilu żewġ persuni oħra relatati kienu wkoll ġew illiberati minn akkużi simili.

Huma ma nstabux ħatja li wettqu  dawn ir-reati fil-konfront tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea. L-eks membri huma Michael Cohen, Claudette Abela Baldacchino, Joseph Borg, Noel Formosa u Doris Borg, Alessandro Oreste li kien Segretarju Eżekuttiv tal-AKL u Paul Cortis li kien General Manager mal-KD Travel Agency.

Sentejn u nofs ilu kienu ġew liberati l-Avukat Ian Micallef u Kenneth Demartino. Huma ma nstabux ħatja li fl-2008 iffrodaw lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Gvern ta’ Malta. Kien il-Kumitat tar-Reġjuni li fl-2007 informa lill-OLAF, l-uffiċċju tal-UE li jinvestiga l-frodi, li f’investigazzjoni li għamel identifika dawk li setgħu kienu irregolaritajiet mid-delegazjoni Maltija fit-talbiet għal ħlas lura fuq biljetti tal-ivvjaġġar.

Huma kienu ġew investigati mid-Deputat Kummissarju Ian Abdilla li llum jinsab sospiż minħabba li kien allegatament raqad fuq każijiet oħra ta’ portata kbira. Abdilla kien qed jgħid li l-prezz kien qed jiġi minfuħ aktar mill-prezz oriġinali għax ħafna drabi kien qiegħed jintalab ħlas ta’ Lm599 kull biljett.

Uffiċjali mill-OLAF, l-IAID (Internal Audit Investigating Department) flimkien mal-Pulizija Maltija kienu marru fl-uffiċini tal-kumpanija KD Travel f’Tas-Sliema, li kienet ħarġet il-biljetti. Mill-inqas żewġ awdituri mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) kienu marru wkoll għall-għarrieda fl-uffiċċji tal-Lufthansa u l-Air Malta tliet ġimgħat ilu biex iħarsu lejn il-kwistjoni.

Aġent tal-ivvjaġġar intalab ukoll jgħaddi minn rekords. wkoll investigazzjonijiet f’uffiċini tal-AKL.L-OLAF kien ukoll ippubblika rapport u għaddih lill-Avukat Ġenerali. Skont il-Pulizja kienu qed jinħarġu żewġ invoices ta’ vjaġġ wieħed, waħda miktuba bl-idejn u l-oħra ġġenerata mill-kompjuter, u din kien ikollha prezz baxx

Il-Maġistrat Josette Demicoli qalet li mill-provi li tressqu rriżulta li huma ma għamlu ebda qligħ personali.“Dak li kien qed jiġri f’ħafna mill-każijiet kien li fl-invoice manwali kien qiegħed jintalab ammont li ma kienx l-ammont li jkun effettivament tħallas lill-aġenzija tal-ivvjaġġar. Id-differenza fil-prezz kienet tirrappreżenta spejjeż amministrattivi li fl-aħħar mill-aħħar kienu intitolati għalihom”.

Il-Maġistrat Demicoli saħqet li din il-Qorti taqbel li l-ħruġ ta’ żewġ invoices  għal titjira waħda, li waħda minnhom kienet tkun bl-idejn mentri l-oħra kompjuterizzata bl-ewwel waħda tkun għal ammont ogħla mill-oħra u li tkun proprju l-invoice manwali li tiġi preżentata għall-ħlas, kienet “messa in xena”.