Lokali

SITWAZZJONI ĦABS: “Dak li qed nassistu għalih illum huwa xokkanti”

“Mhux sew li din il-mewta titgħabba biss fuq żewġt uffiċjali”

“Mhux sewwa li din it-traġedja titgħabba biss fuq dawn iż-żewġ uffiċjali għax hija it-tmexxija krudili li qed titterorizza kemm lil priġunieri u kif ukoll lil uffiċjali. Aħna qed nitolbu biex immedjatament tinħatar inkjesta pubblika li għandha tistabbilixxi jekk l-Istat setax jevita il-mewt traġika ta’ din it-tfajla ta’ 29 sena li għamlet suwicidju fiċ-ċella numru 23.”

Sostnew dan il-Professur Andrew Azzopardi u x-Xandar Peppi Azzopardi b’risposta għall-istqarrija tad-DOI li l-Pulizija se tkun qed tressaq żewġ uffiċjali korrettivi permezz ta’ ċitazzjoni quddiem il-Qorti tal-Maġistrati dwar reati ta’ natura involontarja.’ L-istqarrija tkompli, ‘Dan b’rabta mal-inkjesta maġisterjali li nfetħet fil-każ ta’ attentat suwiċidju li seħħ fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin nhar is-16 ta’ Ġunju 2021.’ 

Huma saħqu li hemm bżonn li ma ninsewx li f’dan il-każ kien hemm eżitu traġiku. Dan filwaqt li spjegaw li mingħajr ma jiġġustifikaw l-allegat aġir ta’ dawn l-uffiċjali huma insistew li huwa inġust li din it-traġedja titgħabba biss fuq dawn il-ħaddiema għax, “hija t-tmexxija krudili li qed titterorizza kemm lil priġunieri kif ukoll lill-uffiċjali.

L-istqarrija kompliet li fl-istqarrija intqal li, ‘Jirriżulta li l-Maġistrat Inkwerenti sabet nuqqasijiet fil-konfront taż-żewġ uffiċjali korrettivi. Il-ħaddiema konċernati kienu sospiżi b’mod immedjat u huma wkoll soġġetti għall-proċeduri quddiem il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.’ 

Għaldaqstant, huma qed jitolbu biex immedjatament tinħatar inkjesta pubblika li għandha tistabilixxi jekk l-iStat setax jevita il-mewt traġiku ta’ din it-tfajla.

Huma insistew li għal diversi xhur ilhom jindikaw li l-affarijiet fil-ħabs huma fi stat ħażin u dan ikkonfermat f’ diversi rappurtaġġi minn ġurnalisti varji u testimonjanzi pubbliċi u privati.

“Il-Ħabs m’għandux jibqa’ post ta’ biża’ u theddid imma jsir post rijabilitattiv fejn jippreparak għad-Dinja ta’ ‘hemm barra’.