Internazzjonali

Stati Uniti: Il-Gvernatur ta’ Kalifornja jegħleb l-isfida

L-aħħar indikazzjonijiet huma li Gavin Newsom għandu jkompli bħala l-Gvernatur ta’ Kalifornja fost sinjali li hu ħareġ tajjeb minn vot rari – validu għal dan l-Istat biss – biex hu jitneħħa mill-kariga.

Il-Gvernatur tal-Partit Demokratiku fil-Gvern deher li kiseb l-appoġġ tal-maġġoranza wara li r-Repubblikani kienu insistew u wasslu għal din l-elezzjoni minħabba l-mod kif Newsom irreaġġixxa għall-effetti tal-pandemija fl-Istat.

Intant, Newsom, li bħalissa jinsab fit-tielet sena ta’ mandat effettiv għal erba’ snin, kien xorta waħda l-favorit li jirbaħ l-elezzjoni minkejja li kkuntestaw għaliha 46 kandidat. Hu, qabel l-elezzjoni, kien aċċertat mill-appoġġ kontinwu tal-President tal-Istati Uniti Joe Biden u tal-Viċi-President Kamala Harris –  li t-tnejn dehru bi prominenza waqt il-kampanja elettorali tal-Gvernatur.