Atletika Sport

Francine Niyonsaba tikser ir-rekord tad-dinja tal-2,000 metru

Waqt il-laqgħa internazzjonali tal-atletika f’Zagreb, fil-Kroazja – Continental Tour Gold – Francine Niyonsaba tal-Burundi kisret ir-rekord tad-dinja tal-2,000 metru.

Hija għamlet id-distanza f’5 minuti 21.56 skondi li huwa żewġ sekondi aħjar minn dak li għamlet indoor Genzebe Dibaba fl-2017.

Niyonsaba li kisbet il-midalja tal-fidda fil-Kampjonati tad-Dinja u fl-Olimpijadi fid-distanza tat-800 metru hija wahda minn dawk l-atleti li minħabba libell għoli ta’ testostone ma tistax tikkompeti fl-400 metru u fl-1500 metru.

Niyonsaba li għandha 28 sena qalet li hija tibda tikkompeti biex tkun ta’ ispirazzjoni għal atleti oħra.

Ir-record li kisret fit-track kien ilu f’idejn Sonia O’Sullivan tal-Irlanda mill-1994. Il-ġimgħa li għaddiet rebħet il-5000 metru fid-Diamond League fi Zurich.

Kellha l-isfortuna li fil-finali tal-10,000 metru fl-Olimpijadi temmet fil-ħames post filwaqt li kienet skwalifikata fil-5,000 metru meta qabżet mil-lane tagħha.

Minkejja li d-distanza tal-2000 metru mhiex fil-programm tal-Olimpijadi jew Kampjonati tad-Dinja f’laqgħat tal-atletika hija tellieqa li ssir regolari.