Lokali

Gvern ġdid Nazzjonalista jgħolli l-limitu tal-eżenzjoni mill-VAT għal €60,000

“Il-Partit Nazzjonalista għandu l-ideat, għandu s-soluzzjonijiet. Gvern ġdid Nazzjonalista ser jelimina parti kbira mill-burokrazija relatata mal-VAT billi tiġi estiża l-bracket ta’ min jibda jħallas il-VAT minn 30,000 għal 60,000 euro.” – Hija din il-wegħda tal-PN li ħabbar il-Kap tal-partit, Bernard Grech meta kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tan-nies f’attività bit-tema ‘Kun il-Bidla’ fl-Imsida.

Bernard Grech spjega li dan ifisser li hemm eluf ta’ negozji u self-employed li jaqbżu l-bracket ta’ 30,000 bl-eżatt li bi Gvern ġdid Nazzjonalista mhux ser ikollom għalfejn jiġbru l-VAT u mhux ser ikollom bżonn iħallsu l-VAT lill-Gvern jekk l-attività tagħhom ma taqbiżx dħul ta’ aktar minn 60,000 euro fis-sena. Il-Kap tal-PN saħaq li dan huwa wkoll mod kif neliminaw l-għoli tal-ħajja fejn wiegħed li Gvern ġdid Nazzjonalista se jwitti t-triq biex kulħadd jgħix ħajja aħjar.

F’din l-attività għamlu l-intervent tagħhom id-Direttur Ġenerali tal-Malta Employers Association, Joe Farrugia u l-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ, Marthese Portelli. Joe Farrugia saħaq li hemm preokkupazzjoni dwar l-impatt tal-greylisting. Ċertu konsegwenzi diġa qed narawhom l-iktar fis-settur finanzjarju u tal-igaming “pero din hija preokkupanti għaliex ser tolqot lil ħafna setturi oħrajn. Din hija xi ħaġa li qed taffetwa l-branding tal-pajjiż.”

Marthese Portelli rringrazjat lil Bernard Grech talli ta spazju lin-negozji biex iwasslu l-messaġġ tagħhom. Hi saħqet li hemm bżonn politika matura assoluta, “dak huwa li għandu bżonn il-pajjiż f’mument tant kruċjali.” Portelli stqarret li minkejja li fil-ġimgħat li ġejjin se jkun preżentat il-budget u wara anke Elezzjoni Ġenerali “importanti li l-politiċi jagħmlu dak li hu tajjeb għal Malta u mhux jieħdu deċiżjonijiet populisti.

Meta kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tan-nies dwar il-greylisting tal-FATF, il-Kap tal-PN saħaq li filwaqt li l-PN matul is-snin ħadem biex Malta issir pajjiż indipendenti u biex pajjiżna jissieħeb fl-Unjoni Ewropea, il-Gvern Laburista rnexxielu jħott is-swar ta’ progress kredibbli ta’ isem pajjiżna li rnexxielu jibni Gvern Nazzjonalista.

Bernard Grech qal li “issa rega’ wasal il-mument li nerġgħu nemnu fil-pajjiż biex inġibu lura l-kredibiltà li jixraqlina.” Hu stqarr li jemmen li mal-bidla fil-Gvern, il-pajjiż se jieħu r-ruħ, “konvint li l-poplu jekk jagħzel lill-PN se jagħżlu għax fil-mument diffiċli l-poplu jdur lejn il-PN u għaliex il-poplu jixtieq Gvern li jmexxih fit-triq tas-sewwa, gvern li qieghed hemm biex jaħdem għall-poplu kollu u mhux għal ftit persuni tal-qalba. Hawnhekk, il-Kap tal-PN reġa’ tenna il-wegħda tiegħu li fi tliet xhur nistgħu noħorġu mill-greylisting għaliex “aħna nemmnu f’Malta u flimkien nistgħu nagħmluha.”