Lokali

“Gvern li nstab ħati li ħoloq atmosfera ta’ impunita li wasslet għall-qtil ta’ Daphne” – Repubblika

“Għadna ‘l bogħod mill-ġustizzja totali” – kliem Louise Calleja waqt velja fl-għeluq tal-47 xahar mill-assissinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Hija kompliet tgħid li l-Gvern li nstab ħati li ħoloq atmosfera ta’ impunita li wasslet għall-qtil ta’ Daphne.

Ġimgħa wara l-oħra jinkixfu affarijiet fejn min irid ikun onest miegħu innifsu, min mhuwiex ġaħan, ma jistax ma jtennix “Daphne kellha raġun. U kif Daphne kellha raġun!”

Louise Calleja stqarret li “Tajruha għax bezgħu minnha imma ħarġet bl-unuri. Mhux bħal min ġie vvutat l-aktar persuna korrotta tal-2019; min kellu jinħareġ mill-parlament taħt skorta; min kellu jitlaq ir-riedni minn idejh b’mod tal-mistħija.” Dak li darba ħolom li jkollu kariga għolja fl-Unjoni Ewropea min jaf x’daqqa qala’ fl-istonku issa li qed tissemma bħala kandidata potenzjali għall-presidenza tal-parlament Ewropew mara Maltija. Dik l-istess mara li darba minnhom f’kastilja, fejn kien iħossu xi imperatur, irrifjutat li teħodlu b’idejh.

Calleja staqsiet – Tgħid l-istituzzjonijiet jitnaddfu mis-sadid li trabba madwar ir-roti tagħhom u jerġgħu jibdew jaħdmu?

Għandna bzonn rebħa kbira oħra fuq il-ħazen u l-korruzzjoni li ħakmu lil pajjizna. Kulħadd jaf li għada jew pitgħada s-sewwa jerbaħ zgur u Daphne zgur li dejjem ħadmet favur is-sewwa. Għalhekk ma nieqfu qatt nissieltu biex dan il-għan inwettquh temmet tgħid Louise Calleja.

Waqt din l-attivita’, tkellem ukoll Michael Zammit Maempel li saħaq li minkejja dalwaqt huwa r-raba’ anniversarju mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-verita’ qedgħa hemm għall-kulħadd…. il-prosekuzzjonijiet kriminali għadhom skarsi.

Ir-realizzazzjoni li l-ħmieġ affettwa diversi nies ifisser li hemm ċans għoli għal dawk involuti biex jipproteġu lil xulxin. Dan ifisser li jistajkun li jkollna bżonn nistennew aktar, u li l-ġlieda għall-ġustizzja għadha ‘l bogħod ħafna milli tintemm.

“Għandna bżonn nibqgħu nfakkru lil kulħadd fil-verità, u ma nħalluhiex tistrieħ. Għandna bżonn nitkellmu l-verità aktar spiss, u ma nħallux l-affarijiet jiżżerżqu.” kompla jgħid Zammit Maempel.