Ambjent Lokali

Id-diżastru li ħallew in-nirien fil-Marsa

Battalja kontra l-ħin – ħidma li damet għaddejja sigħat twal fil-Marsa, fejn numru kbir ta’ pumpieri tal-Protezzjoni Ċivili provaw jitfu in-nirien qawwija li ħakkmu scrapyard li hemm viċinanzi tal-flyovers.

Minkejja s-severità ta’ dawn in-nirien, li bdew għall-ħabta tat-11:30 tal-bieraħ filgħaxija, b’xorti tajba ħadd ma’ weġġa’ f’dan l-inċident.

Sat-8 ta’ dalgħodu, fiż-żona kien għad hemm il-pumpieri jikkumbattu man-nirien, fejn anke inġiebu bawżers bl-ilma sabiex jissuplixxu lill-vetturi tas-CPD.

Kienu ħafna l-persuni li tkellmu ma’ Net News u spjegaw li d-dħaħen suwed setgħu jiġu nnutati minn diversi żoni tal-pajjiż.

Dan filwaqt li l-irwejjaħ ta’ ħruq kienu qed jinxammu minn Tas-Sliema u mill-Belt Valletta, anke wara li kienu għaddew sigħat minn meta beda n-nar fl-iscrapyard.

Sadanittant, fi stqarrija, l-Awtorita’ għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, ħabbret li se tkun qed tinvestiga dan l-inċident.

Għadu mhux ċar x’wassal biex zviluppaw dawn in-nirien qawwija fiż-żona industrijali li tinsab kantuniera bogħod minn Triq Garibaldi.

Il-Pulizija għadha għaddeja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar dan il-kaz.

Ikkummenta