Lokali

Il-PN b’messaġġ ta’ tama u kuraġġ

“Fl-Indipendenza niċċelebraw, niftakru u nħarsu ‘l qudiem, sabiex ikollna l-kuraġġ nirbħu Indipendenza ta’ xort’oħra: l-Indipendenża mill-koruzzjoni, mill-governanza ħażina, mill-iżvilupp żejjed u mill-qerda tal-ambjent Malti.”

Hekk saħqet il-Kandidat tal-Partit Nazzjonalista u Ko-ordinatriċi tal-Grupp ta’ Ħidma #QattAktar, Emma Portelli Bonnici, f’kummenti lil NET News dwar għaliex il-Partit qed itenni l-messaġġ “Kun il-Bidla” fil-Festi tal-Indipendenza.

Portelli Bonnici saħqet li l-Partit Nazzjonalista jrid lill-poplu kollu jingħaqad miegħu ħalli f’pajjiżna jkun hawn il-bidla li tant hi meħtieġa.

“It-Tema ‘Kun il-Bidla’ tfisser li lkoll għandna bżonn nxammru l-kmiem, naħdmu flimkien u nsemmgħu leħħina sabiex verament naraw bidla fil-pajjiż.”

Hi fakkret kif, sa mis-seklu l-ieħor, il-Partit Nazzjonalista kien il-katalista li welled pajjiżna bl-Indipendenza – grazzi għal Ġorġ Borg Olivier.

Twelid ta’ Nazzjon li, pass pass, sar ukoll Repubblika u eventwalment issieħeb b’mod sħiħ bħala Stat Membru fl-Unjoni Ewropea.

Sadanittant, biex wieħed jattendi għall-attivitajiet li qed jorganizza l-Partit Nazzjonalista, għandu jirriżerva postu billi jagħżel il-jum meta jixtieq jattendi u jirreġistra online jew iċempel id-Dar Ċentrali fuq 25965262.

Il-Festi tal-Indipendenza jilħqu l-qofol tagħhom it-Tnejn li ġej – lejlet Jum l-Indipendenza – bid-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fuq il-Fosos tal-Furjana.