Lokali

“Intaffu l-faqar b’investiment konkret fl-anzjanità” – PN

Stqarrija tal-PN iffirmata mill-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament u Kelliem għall-Inklużjoni u l-Kwalitá tal-Ħajja, David Agius

Il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar xhur nieda konsultazzjoni miftuħa mal-pubbliku u mal-partijiet ikkonċernati f’Malta u Għawdex dwar l-istat attwali u futur tas-sistema tal-pensjonijiet f’pajjiżna. Ridna nisimgħu l-fehmiet u l-inġustizzji tan-nies imġarrbin, u tal-persuni intiżi f’dan il-qasam. U tul din il-konsultazzjoni waslulna mijiet ta’ ideat u rakkomandazzjonijiet.

Gvern ġdid Nazzjonalista jwiegħed avvanz sostanzjali fis-sistema attwali tal-pensjonijiet biex ninkludu ħafna mill-proposti li waslulna u fl-istess waqt niżguraw li l-pensjonanti tal-lum u l-ġenerazzjonijiet ta’ għada jkollhom moħħhom mistrieħ li f’Malta għandna sistema tal-pensjonijiet sostenibbli, affidabbli, sigura, diċenti u ġusta. Dawn il-proposti jaqblu mat-tbassir ta’ Malta tas-sitwazzjoni demografika fil-ħamsin sena li ġejjin: tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol u tal-persuni fl-età tal-irtirar.

Il-proposti tal-Partit Nazzjonalista huma msejsa fuq dawn il-prinċipji:

1.     Sistema sostenibbli tfisser sistema li tkun valida għall-futur u li tiffinanzja lilha nnifisha. Bħala Partit, filwaqt li rridu nippromwovu impjiegi ta’ kwalità u noħolqu setturi ġodda li jrendu, irridu ninċentivaw lill-ġenerazzjonijiet attwali u futuri jesploraw sorsi addizzjonali biex fl-età tal-irtirar ikollhom pensjoni minn aktar minn sors wieħed. Gvern Nazzjonalista ġdid jipprovdu alternattivi sodi bħalma jsir f’bosta pajjiżi Ewropej oħrajn.

2.     Sistema ġusta billi bħala pajjiż niżguraw li l-ebda pensjonant ma jkun qed iġarrab inġustizzji relatati ma’ riformi tal-passat jew ma’ kontribuzzjonijiet mitlufa. Gvern Nazzjonalista ġdid jimplimenta mekkaniżmu għal dan il-għan.

3.     Sistema ta’ pensjonijiet diċenti tfisser sistema li tindirizza r-rata allarmanti ta’ faqar u ta’ riskju tal-faqar fost il-pensjonanti. Tfisser titjib fil-kalkolu tal-pensjonijiet tal-NI. Pensjonijiet diċenti jaħdmu id f’id ukoll ma’ titjib fil-mekkaniżmu tal-COLA biex anki dan jikkontribwixxu għal żidiet gradwali aktar realistiċi, u ma’ miżuri speċifiċi li jindirizzaw l-inflazzjoni tal-oġġetti bażiċi. Taħdem id f’id ukoll ma’ aktar mediċini mingħajr ħlas.

4.     Sistema affidabbli u sigura tfisser li l-gvern jipprovdi jew jinċentiva soluzzjonijiet diversi għall-pensjonanti ta’ għada biex jitħeġġu jfaddlu u jinvestu waqt l-età tax-xogħol fi skemi sodi bil-garanziji meħtieġa.

Fil-jiem li ġejjin, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jippreżenta ġabra ta’ proposti konkreti, studjati u kkostjati biex jiżgura li jħaddem dawn il-ħames prinċipji fil-prattika. Se nippreżentaw ukoll bosta proposti oħrajn biex jiżgura żidiet annwali fir-rata tal-persuni fl-età tal-irtirar li jibqgħu fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari fl-aktar oqsma li jeħtieġu ħaddiema ta’ esperjenza u ta’ ħiliet speċjalizzati.

Se nippreżentaw proposti konkreti u studjati li jħeġġu u jinċentivaw l-anzjanità attiva, is-serħan il-moħħ għall-ġenerazzjonijiet attwali u futuri, u pass ta’ ġgant ’il quddiem li jixhed bilanċ ġust bejn ir-ruħ soċjali u sistema sostenibbli għal żmienna u għall-ġejjieni.