Lokali

Is-sena d-dieħla Malta se tilqa’ l-laqgħa tal-grupp Arraiolos

Malta se torganizza l-Laqgħa tal-Grupp tal-Arraiolos is-sena d-dieħla

Fis-sena 2022 Malta se tilqa’ l-laqgħa tal-grupp Arraiolos. Dan tħabbar mill-President ta’ Malta George Vella fejn waqt konferenza tal-aħbarijiet li ġabet fi tmiemha laqgħa ta’ dan il-grupp f’Ruma, li kienet indirizzata mill-kapijiet tal-istat kollha li pparteċipaw fil-laqgħa, fejn qal li din id-deċizzjoni ttieħdet b’mod unanimu.

Fuq stedina tal-President Taljan, Sergio Mattarella, il-President ta’ Malta George Vella pparteċipa fis-16-il laqgħa tal-Grupp tal-Arraiolos, li saret fil-Palazz tal-Quirinale f’Ruma, li huwa s-sede tal-Presidenza tar-Repubblika Taljana.

Il-Laqgħa tal-Grupp tal-Arraiolos ta’ din is-sena kienet maqsuma f’żewġ sessjonijiet plenarji, fejn fl-ewwel waħda ġiet diskussa “L-UE fi triqitha lejn l-awtonomija strateġika: responsabbiltajiet u opportunitajiet”.

Filwaqt li rrimarka li biex l-Unjoni Ewropea tilħaq il-miri strateġiċi tagħha, tegħleb il-vulnerabbiltajiet tagħha, u ssaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha, bla dubju trid tikkopera mal-oħrajn, il-President Vella qal li tali koperazzjoni teħtieġ riżorsi li jissodisfaw il-livell ta’ ambizzjoni, kif ukoll sens komuni ta’ skop.

“Mingħajr valur komuni ġenwin, ma nistgħux nirnexxu fl-ingranaġġ tal-fondi meħtieġa fi ħdan l-Unjoni tagħna kif ukoll mill-pajjiżi sħab tagħna. L-approċċ tal-UE li tħares ’il barra minnha huwa wieħed mill-vantaġġi tagħha li għandu jiġi sostnut. L-UE għandha tibqa’ fuq quddiem nett fil-multilateraliżmu u fl-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli globali, biex tiżgura ftuħ u ġustizzja u r-riformi meħtieġa.”

Il-President ta’ Malta żied jgħid li jenħtieġ li niffukaw fuq ta’ madwarna, b’mod partikulari sħabna tan-Nofsinhar u l-Afrika u li l-UE għandha tkun kapaċi wkoll tindirizza r-realtajiet urġenti u nkwetanti li jikkonċernaw it-tibdil fil-klima. L-UE trid ukoll tħejji għall-isfidi migratorji futuri.

It-tieni sessjoni plenarja ffukat fuq “Il-kontribut tal-UE għall-multilateraliżmu fid-dinja ta’ wara l-pandemija”. Il-President Vella stqarr li minkejja l-eżitazzjoni evidenti ta’ xi partijiet biex jindirizzaw in-nuqqasijiet kurrenti tas-sistema multilaterali, l-UE trid tkompli tistinka biex tniedi djalogu sinifikanti mas-sħab u l-alleati tagħha, u anki ma’ pajjiżi fuq l-istess linja ta’ ħsieb.

Dan mhuwiex iż-żmien li nżarmaw l-istituzzjonijiet multilaterali li ppromwovew il-koperazzjoni u li ġabu prosperità u stabbiltà għal għexieren ta’ snin, saħaq il-President.