Lokali

“Ix-xandir pubbliku huwa maħtuf mill-Partit Laburista u minn Robert Abela”

“Ix-xandir pubbliku huwa maħkum mill-Partit Laburista  u minn Robert Abela.”

Kien dan il-messaġġ li twassal waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius u mill-Kandidata għall-elezzjoni ġenerali Alessia Psaila Zammit.

David Agius qal li l-Gvern Laburista qed jitrasforma x-xandir tal-pubblika f’magna ta’ propoganda għall-Gvern Laburista. Magna li tuża kull mezz possibbli biex iddawwar l-aħbar favur Robert Abela u l-Partit Laburista.

Huwa qal li TVM 2 minn stazzjon ta’ kultura, arti u xjenza inbidel għal stazzjon li se jkun il-fus ta’ popoganda tal-Labour.

Quddiem dan kollu l-PN ftit li xejn qed jingħata ċans iwassal il-messaġġ tiegħu… fejn ħafna drabi l-messaġġ tal-PN qed jitqiegħed lejn l-aħħar tal-bulettin tal-aħbarijiet f’okkażjonijet fejn jiġu injorati għal kollox stqarrijiet tal-Partit.

F’analiżi li saret ħareġ li l-ewwel tmien minuti tal-aħbarijiet huma ddomintati minn aħbarijiet tal-Gvern Laburista. F’din l-analiżi ħareġ ċar id-differenza li jkun hemm bejn kemm jingħata ħin lill-Gvern Laburist u lill-Partit Nazzjonalista. Fejn f’ħafna drabi l-Ministri jitteħdulhom kummenti filwaqt li esponenti tal-PN xejn

Min-naħa tagħha, il-Kandidata Alessia Psaila Zammit saħqet kif il-media u d-demokraija huma żewġ pilastri importanti ferm f’pajjiżna.

Hija kompliet tgħid li dan kollu qed iwassal ukoll għal abbuż ta’ poter… għalhekk huwa importanti li l-Oppożizzjoni tibqa’ impenjata u taċċerta li l-lirwol tal- PBS ikun wieħed li jħares il-prinċipji demkratiċi ta’ pajjiżna u jibqa’ jsegwi dak kollu li qed jiġri kuljum. Dan filwaqt li jirriserva kull dritt li jieħu kull azzjoni meħtieġa sabiex ikunu salvagwardjati d-demokrazija, it-trasparenza u d-dritt għall-informazzjoni.