Lokali Qorti

Jogħsfru €10,000 mill-ħabs

Il-problemi fil-ħabs jidher li m’għandhomx limitu meta fil-Qorti ġie żvelat li €10,000 fi flus kontanti sparixxew. Dan ħareġ meta quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella tressaq għal darba oħra iċ-ċittadin Somalu, deskritt bħala pilastru tal-komunità Somala.

Ali Muuse Igaale ta’ 40 sena kien tressaq il-Qorti fit-23 ta’ Awwissu li għadda mixli li kien qed iġorr €160,000 fi flus kontanti fuq titjira lejn Istanbul. Huwa kien ġie akkużat li naqas milli jiddikjara l-flus kontanti lill-awtoritajiet meta l-ammont li wieħed jista’ joħroġ barra mill-pajjiż huwa ta’ €10,000. Kien għalhekk li kienu ġew konfiskati €150,000 u l- €10,000 l-oħra ngħataw lilu.

Huwa ma kienx ingħata l-pleġġ u spiċċa l-ħabs bil-flus b’kollox. Sadanittant Igaale kien ittestja pożittiv għall-COVID-19 u meta ġie f’sikktu skopra li dawn l-€10,000 kienu għosfru. Huwa reġa tressaq il-Qorti fejn l-Ispettur Oriana Spiteri spjegat li huwa kien twaqqaf fl-ajruport minħabba li kellu flus eċċessivi.

Waqt l-interrogazzjoni huwa qal li huwa raġel fin-negozju u jiddikjara ċertu profitt. Il-pulizija ngħataw l-isem tal-accountant tiegħu. Saruaktar investigazzjonijiet u nstabu ammonti ta’ flus. Il-prosekuzzjoni qalet li r-reat li wettaq huwa dwar l-evażjoni tat-taxxa iżda hemm ukoll il-fatt li l-€160,000 mhumiex traċċabbli u min fejn ġew.

L-Ispettu qalet li sa issa, l-uniku reat huwa l-evażjoni tat-taxxa. “Fit-23 ta ‘Awwissu kellu miċħuda l-libertà proviżorja u ntbagħat il-ħabs, qalet l-Ispettur. Meta huwa talab għal flus li huma tiegħu bi dritt ġie nfurmat li dawn il-flus ma nstabux.

Sar rapport lill-Pulizija mill-akkużat. Ħareġ ukoll li mit-23 ta’ Awwissu huwa għadu ma kellu l-ebda seduta quddiem il-Qorti. Sadanittant inħarġet ordni ta’ friżar Saru s-sottomissjonijiet fuq pleġġ fejn ħareġ li ma saret l-ebda seduta minħabba li kellu l-COVID.

Id-difiża qalet li huwa ilu Malta disa’ snin u baqa’ jgħix Malta. Ma ġiet eżerċitata l-ebda vjolenza. Id-dokumenti huma kkonservati. Irriżulta wkoll li għandu familjari Svediża, fosthom il-mara u t-tfal. Huwa għandu wkoll indirizz fiss f’Malta. Għandu wkoll kawża umanitarja u l-komunità Somala kollha għandhom din id-drawwa. Il-piena tal-evażjoni tat-taxxa hija differenti minn dik tal-piena tal-ħasil tal-flus. Każ simili huwa l-Pulizija vs Sylvana Fenech et.

Anke meta tressaq l-ewwel darba l-Qorti ħareġ li l-akkużat kellu rabtiet qawwija ma’ Malta u waqqaf żewġ negozji lokali fil-Ħamrun – ħanut tax-xagħar u bejjiegħ bl-imnut tal-ħwejjeġ u li ilu joperahom għal numru ta’ snin. Id-difiża kienet qalet ukoll li huwa jagħmel minn kollox għall-avvanz tal-komunità Somala, billi jgħin lin-nies isibu xogħol u jintegraw fis-soċjetà. L-akkużat kien ippjana biss vjaġġ qasir ħafna. Madankollu għal darba oħra reġa’ ma ngħatax pleġġ. Għas-Somalu deheru l-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb.