Diversi Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll Pulizija issejħu sabiex ikunu kontrollati nirien li żviluppaw fil-Marsa.
Kelliem għall-Pulizija ikkonferma li n-nirien, li bdew għall-ħabta tal-11.30p.m. tal-bieraħ filgħaxija, oriġinaw minn scrap yard li hemm viċin il-flyovers. Minbarra ħaddiema tat-tifi tan-nar, waslu wkoll fil-post pulizija mis-sezzjoni tat-traffiku sabiex jidderieġu lis-sewwieqa ‘il bogħod minn kwalunkwe periklu.
Ħadd ma weġġa f’dawn in-nirien.

Sadanittant, fi stqarrija, l-Awtorita’ għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, ħabbret li se tkun qed tinvestiga dan l-inċident.
Sat-8am fiz-zona kien għad hemm il-pumpiera jikkumbattu man-nirien li ħakmu l-iscrapyard. Inġiebu wkoll bowzers bl-ilma sabiex jissuplixxu lill-vetturi tas-CPD.
In-nar ikkawża ukoll dħaħen u riħa qawwija fiz-zona tal-Port il-Kbir u lil hinn.

