“Jekk jiġu implimentati, ir-rakkomandazzjonijiet li ressqet illum il-Kummissjoni Ewropea għandhom jassiguraw li l-ġurnalisti fl-Ewropa jkunu protetti u jkunu jistgħu jagħmlu xogħolhom b’mod aħjar. Madanakollu, ir-rakkomandazzjonijiet indirizzati lejn l-Istati Membri m’humiex obbligatorji. Għalhekk, aħna se nkomplu ninsistu li l-Kummissjoni Ewropea tippubblika liġijiet li jimponu lill-Istati Membri tal-UE biex ibiddlu l-liġijiet biex jipproteġu lill-ġurnalisti.”
Minn Strasburgu, eżatt wara li l-Kummissjoni Ewropea ppubblikat “Rakkomandazzjoni biex ikunu assigurati l-protezzjoni, s-sigurtà u s-setgħa tal-ġurnalisti u professjonisti oħra tal-midja fl-Unjoni Ewropea,” il-Ko-President tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Parlament Ewropew dwar il-Midja faħħar din l-inizjattiva, imma insista fuq aktar azzjonijiet konkreti mill-Kummissjoni.
“Ilbieraħ kienet ġurnata importanti fil-ġlieda tagħna kontra n-negozji kbar li jipprovaw iwaqqfu ġurnalisti milli jagħmlu xogħolhom. Id-dikjarazzjonijiet li għamlet il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen waqt id-diskors tal-Istate of the Union juru d-determinazzjoni tal-Kummissjoni li jkollna liġijiet b’saħħithom li verament jipproteġu lill-ġurnalisti u l-kmamar tal-aħbarijiet mit-theddid kontinwu. Issa, nistenna li dan il-kliem jgħaddi għall-fatti li, bla dubju, se jsibu l-appoġġ tal-Parlament Ewropew,” qal David Casa.
Ir-rakkomandazzjonijiet li għamlet illum il-Kummissjoni Ewropea jinkludu li l-Istati Membri jkunu mħeġġa biex:
- jipprovdi protezzjoni effettiva u fil-ħin għall-ġurnalisti taħt theddida
- jinvestigaw u jipproċedu fuq kull att kriminali kontra l-ġurnalisti
- jappoġġjaw l-għaqdiet tas-soċjetà ċivili fl-inizjattivi tagħhom li jqajmu kuxjenza
- ikun hemm skambju ta’ fehmiet regulari bejn il-forzi tal-ordni u l-assoċjazzjonijiet tal-ġurnalisti
- ma jkunx hemm kundizzjonijiet stretti b’rabta mal-press cards
- joffru servizzi speċjalizzati, bħal dawk legali u psikoloġiċi, għall-ġurnalisti taħt theddida
Il-Kwestur Casa rrimarka li żewġ inizjattivi leġislattivi li għandhom ikunu prijorizzati u li hu ilu jaħdem fuqhom numru ta’ snin huma liġijiet kontra SLAPP u fondi tal-UE li jappoġġjaw il-ġurnaliżmu. “Aħna qed nistennew b’ħerqa l-proposti leġislattivi li jindirizzaw it-theddid fuq il-libertà tal-midja. Uħud mill-prijoritajiet tagħna jinkludu fondi, appoġġ u riżorsi li jkunu disponibbli għall-ġurnalisti u l-kmamar tal-aħbarijiet fl-Ewropa. B’mod urġenti għandna bżonn ukoll liġi kontra l-iSLAPP. Din tgħin ħafna biex nipproteġu ġurnalisti kontra dawn it-tip ta’ kawżi.”
Fil-konklużjoni tiegħu, l-MEP Casa rrefera għal dak li qalet il-President tal-Kummissjoni Ewropea fid-diskors tagħha lbieraħ: “Meta niddefendu l-libertà tal-midja, ikun ifisser li qed niddefendu d-demokrazija.”
//= $special ?>