Partit Nazzjonalista fil-Gvern jagħti lura s-saħħa, ir-riżorsi u d-dinjità li jixraq li jkollhom il-Kunsilli Lokali – Hija din il-wegħda tal-PN, li ħarġet b’mod car waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali Karl Gouder u s-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat. Din il-konferenza issejħet fid-dawl ta’ proġett infrastrutturali li se jkun qed jagħmel il-Gvern Laburista fl-akwati tal-Luxol – proġett, li kif propost bħalissa se jkun qed joħloq inkonvenjent kbir għar-residenti tal-akkwati b’mod speċjali dawk tas-Swieqi.
Karl Gouder saħaq li dak li qed jiġri f’dan il-proġett ilna narawh jiġri tul dawn l-aħħar snin fejn Transport Malta tiltaqa’ mal-Kunsill Lokali bi pjan, imbgħad tbiddel il-pjan mingħajr ebda kunsiderazzjoni ta’ x’inhu l-aħjar għar-residenti. Id-Deputat tal-PN saħaq li wasal iż-żmien li l-karba tar-residenti tinstema, għaliex il-Kunsilli jafu x’inhu l-aħjar u x’għandhom bżonn verament in-nies tal-lokalitajiet.
Minn naħa tiegħu, is-Sindku Noel Muscat saħaq li l-Kunsill mhux kontra li jsir xi ħaġa fl-akwati tal-Luxol għaliex evidenti li hemm problema ta’ traffiku, iżda saħaq li huwa kontra l-pjan kif propost mill-Gvern. Dak li qed tipproponi Transport Malta se jfisser li min irid joħroġ jew jidħol fis-Swieqi se jkollu jieħu triq itwal u allura jagħżel toroq oħrajn fil-lokalità li se jwasslu għal konġestjoni u konfużjoni agħar. Is-Sindku tas-Swieqi spjega kif din il-lokalità għandha 16-il elf resident u se tkompli tikber appena jitlestew numru ta’ proġetti ta’ kostruzzjoni li hemm għaddejin bħalissa.
//= $special ?>