Sport Sport Ieħor

Qormi Hockey Club u Żejtun Domus fil-finali

Se jkunu Qormi Hockey Club A u Żejtun Domus li se jikkontestaw il-finali t’għada tal-kampjonat nazzjonali tas-sajf organizzat mill-Assoċjazzjoni Maltija tad-Darts.

Iż-żewġ naħat ma kellhomx passaġġ faċli għal din il-finali hekk kif l-avversarji rispettivi tagħhom taw qalbhom u baqgħu jissieltu sal-aħħar game finali.

Sadanittant matul din il-ġimgħa kellna t-tieni leg tal-kwarti tal-finali fejn Manchester Conquest A, Żejtun Domus, Ħamrun Bayern A u Qormi Hockey Club A għaddew għal mal-aħħar erbgħa tal-kompetizzjoni wara rebħiet fuq Qormi Hockey Club B, Sliema Inter DC, Top Gun u Fgura Darts rispettivament.

Fis-semifinali li ntlagħbu f’nofs din il-ġimgħa fuq żewġ legs, Żejtun Domus u Ħamrun Bayern A offrew spettaklu kbir filwaqt li kien hemm bilanċ assolut wara skors konsekuttivi ta’ 3-3. Hekk kif l-iskor aggregate kien dak ta’ 6-6, kellha tintlagħab l-logħba ta’ 1001 bejn l-ewwel 4 plejers li lagħbu singles fl-istess ordni kif imniżżla fl-iscore sheet. U hawn kienu Żejtun Domus li ħarġu rebbieħa fuq l-istess tim mill-Ħamrun.

Fis-semifinali l-oħra, Qormi Hockey Club A għaddew bi skor aggregate ta’ 8-4 kontra Manchester Conquest A. Wara li l-Qriema rebħu l-ewwel leg 5-1, it-tieni logħba tal-Ħamis filgħaxija spiċċat bi skor ta’ 3-3.

Il-finali bejn dawn iż-żewġ timijiet se ssir għada fi stabbiliment fil-Birgu u tibda fis-7.30pm.