Futbol Sport

Rabat Ajax jippreżentaw l-iskwadra għall-istaġun li ġej

Ilbieraħ filgħaxija fil-Każin tar-Rabat Ajax saret il-preżentazzjoni tal-plejers li se jkunu qed jilbsu l-flokk tal-Magpies fl-istaġun li għadu kemm beda. Fl-istaġun li għadda r-Rabtin ġew promossi fil-playoffs għaċ-Challenge League. Huma jilgħabu l-ewwel logħba tagħhom nhar is-Sibt li ġej kontra Żejtun Corinthians.

Fis-serata għamlu d-diskorsi tagħhom il-President tal-klabb Dr Keith Farrugia u ż-żewġ Viċi-Presidenti Dr Sam Abela u Dr Chris Cilia. Għamel kelmtejn ukoll il-kowċ Vesko Petrovic. Carmel Busuttil u Pawlu Zammit kien żewġ mistiedna speċjali, fejn sar intervisti qosra maż-żewġ eks-plejers waqt is-serata. It-tnejn li huma awguraw suċċess għat-tim Rabti għall-istaġun li ġej. Ġie ppreżentat ukoll it-tim tal-Minors u l-Istaff Tekniku. Tajjeb li ninnotaw li l-eks plejer tal-Ajax Josef Tonna se jkun it-Team Manager filwaqt li r-Rabti Jonathan Pearson se jkollu l-irwol ta’ Technical Director.

Fis-suq tat-trasferimenti Rabat Ajax għamlu tmien akkwisti ġodda, fosthom erba’ barranin. Dawn huma Manuel Angel Bustos mingħand Sirens, l-Albaniż Elmir Lekaj li se jkun qed jilgħab f’Malta għall-ewwel darba, il-plejer Urugwajan Gaston Poncet Otero li se jkun ukoll qed jilgħab f’pajjiżna għall-ewwel darba u l-Maċedonjan Petar Kanzurov mingħand San Ġwann. L-eks-plejer u prodott tagħhom Larens Vella rritorna lura wara staġun ma’ Mosta, Kurt Muscat ukoll irritorna wara staġun ma’ Swieqi, filwaqt li Miguel Aquilina u Kyle Barbara se jkunu qed jilbsu l-flokk abjad u iswed għall-ewwel darba.