Lokali

Aktar unions, għaqdiet u professjonisti qed jikxfu l-fallimenti fil-politika tal-Gvern

L-impjiegi li qed jiżdiedu bħalissa huma b’kundizzjonijiet bażiċi u li jaqbżu l-ftehim kollettiv.

Din iċ-ċanfira waslet mis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja lit-tmexxija ta’ Robert Abela u l-Gvern tiegħu – matul il-Konferenza tal-Labour – fid-dawl tal-wegħdiet li l-Partit Laburista dejjem għamel meta kien jgħid li fil-Gvern, kellu jeqred għalkollox il-faqar u l-prekarjat.

Iżda hu ċar li anke l-GWU qed tirrikonoxxi kemm din il-wegħda sagrosanta tal-Partit Laburista, tmien snin wara, għadha ma nżammitx. Fil-fatt, Josef Bugeja qal li, għalkemm hu tajjeb li jkollna ħafna nies jaħdmu, hu importanti li jkollna karrieri u impjiegi ta’ kwalità b’paga diċenti. Għax issa, qed jiżdiedu l-impjiegi, imma l-kundizzjonijiet huma dawk bażiċi u li jaqbżu l-ftehim kollettiv.

Hu kompla billi spjega li llum għandna sitwazzjoni fejn ħaddiema qed jigu impjegati minn kuntrattur minflok mill-kumpanija propja biex dawn jingħataw l-anqas kundizzjonijiet bażiċi.

Min-naħa tiegħu, David Xuereb – li sa ftit tax-xhur ilu kien il-President tal-Kamra tal-Kummerċ – qal li l-Gvern għandu jagħmel sforz li jagħti valur lill-ġid komuni. Fl-istess waqt, kull sold għandu jintefaq fuq viżjoni fit-tul.

Anke l-Kummissarju tat-Tfal, Pauline Miceli, ċanfret lill-Gvern li qed ikaxkar saqajh, din id-darba billi qalet li għadu ma sar xejn biex tkun inkorporata l-Konvenzjoni għad-Drittijiet tat-Tfal minkejja l-laqgħat li saru mal-membri tal-Kabinett ta’ Robert Abela.

Kummenti li qed juru kemm il-Gvern ta’ Robert Abela qed jagħżel li jibqa’ maqtugħ mir-realtjiet tal-familji Maltin u Ghawdxin.