Internazzjonali

Covid-19: L-Italja ssir l-ewwel pajjiż fid-dinja li jirrikjedi biex il-ħaddiema kollha jkollhom il-‘Green Pass’

Il-ħaddiema kollha fl-Italja, mill-15 ta’ Ottubru ‘il quddiem, huma obbligati li jirrappurtaw għax-xogħol bil-Green Pass. Dan wara li l-Gvern Taljan approva miżura ġdida biex iċ-ċertifikati diġitali li jikkonfermaw li persuna ħadet it-tilqima sħiħa kontra l-Covid-19 isiru ‘ħaġa ta’ bilfors’ għall-ħaddiema mas-settur pubbliku u l-privat.

Dan l-pass mill-Gvern tal-Prim Ministru Mario Draghi hu l-ewwel ta’ dan it-tip minn fost il-pajjiżi kollha tal-Ewropa. Il-miżura anki qed tiġġenera element qawwi ta’ kontroversja, b’uħud jikkritikaw ‘il-mandat minn fuq’ biex (min-nofs Ottubru) ħadd ma jkun permess li jidħol għax-xogħol mingħajr id-dokument diġitali inkwistjoni.

L-obbligu għall-preżentazzjoni tal-Green Pass se jibqa’ infurzat sal-aħħar tas-sena, u l-Prim Ministru Draghi qal li l-mizura hi essenzjali ‘biex il-Gvern ikompli jneħħi r-restrizzjonijiet u biex l-Italja tirritorna għan-normalita’.

Id-direttiva, intant, mistennija twassal ukoll biex tizdied ir-rata tat-tilqim fost ic-cittadini.

Il-Ministru tas-Saħħa Taljan, Roberto Speranza, qal li l-inizjattiva qed taħseb għall-ogħla livell tas-sigurtà possibbli fuq il-postijiet tax-xogħol u biex il-kampanji tat-tilqim lokali jsiru dejjem aktar effettivi.

Impenn ieħor tal-miżura jibqa’ it-tnaqqis tar-rati ta’ infezzjoni bil-Covid-19 fost il-poplu Taljan meta hemm il-potenzjal għal spinta ġdida ta’ infezzjonijiet fil-pajjiż matul ix-xitwa.

Sadanittant, mix-xahar id-dieħel se jkunu biss il-pensjonanti u ċ-ċittadini mingħajr impjieg li se jkunu eżenti mill-ħtieġa li jġorru l-Green Pass fl-Italja.