Internazzjonali

Il-ftehim ta’ Aukus: Reazzjoni negattiva għall-patt ta’ difiża bejn l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-Awstralja

L-Istati Uniti u r-Renju Unit qed jiffaċċjaw kritika sinifikanti – fuq bażi internazzjonali — dwar il-patt ġdid dwar is-sigurtà li huma ffirmaw mal-Awstralja…Patt li jitqies bħala impenn biex il-pajjiżi jrażżnu l-influwenza qed tikber taċ-Ċina u li jippermetti biex l-Amerikani u l-Britanniċi jagħtu lill-Awstraljani t-teknoloġija meħtieġa għall-produzzjnio ta’ sottomarini li jibbażaw fuq l-enerġija nukleari.

Sadanittant, Franza esprimiet rabja kbira għal dan il-patt, bl-uffiċjali tal-Gvern f’Pariġi kfissru dan il-pass bħala ‘l-ekwivalenti ta’ daqqa ta’ sikkina fid-dahar’. Dan waqt li ċ-Ċina akkużat lit-tliet potenzi li ffirmaw il-patt bħala ‘simboli tal-mentalità tal-Gwerra Bierda l-antika’.

Sadanittant, xi osservaturi ma jeskludux li dan il-patt ta’ difiża – jew l-alleanza ‘Aukus’ – kapaċi tixpruna liċ-Ċina fi gwerra u meta ċ-ċirkustanzi huma delikati għall-aħħar. Dan wara li l-patt tħabbar aktar kmieni fil-ġimgħa mill-President Amerikan Joe Biden, il-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson u l-Prim Ministru Awstraljan Scott Morrison.

Filwaqt li ċ-Ċina ma ssemmiet qatt fil-kwistjoni, l-Aukus qed jitqies bħala l-bażi ta’ pjan biex it-tliet pajjiżi jikkontrollaw l-azzjonijiet u l-influwenza taċ-Ċina fil-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar.

Min-naħa tiegħu, Boris Johson, wara, qal lid-deputati parlamentari f’Londra li l-ftehim ma kienx intenzjonat bħala ‘provokazzjoni għaċ-Ċina’ u sostna li r-Renju Unit jibqa’ determinat biex jiddefendi l-liġi internazzjonali.

Sadanittant, il-Ministru Franċiż għall-Affarijiet Barranin Jean-Yves Le Drian fisser il-ftehim bħala ‘deċiżjoni brutali, unilaterali u imprevedibbli’ – waqt li l-Ambaxxatur Franċiż għal Washington, Gerard Araud  fisser is-sitwazzjoni bħala ‘mument ħażin ħafna għar-relazzjonijiet  bilaterali. ‘

Dan minkejja li s-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken, irrefera għal Franza bħala ‘sieħba importanti’ waqt li tenna li Washington xorta waħda ‘se jaħdem mill-qrib ħafna ma’ Pariġi’. 

U l-Franċiżi qed isostnu li l-‘Amerikani ma jimportahomx li għarrqu kuntratt strateġiku ( dwar il-bini tas-sottomarini) li kien essenzjali ħafna għall-interessi nazzjonali ta’ Franza’.

Il-ftehim ta’ Aukus anki jipprovdi biex l-Alleati ( l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-Awstralja) jaqsmu l-kapaċitajiet ċibernetiċi, flimkien mas-sistemi għal artificial intelligence u teknoloġiji oħra għal taħt il-baħar. Il-pjan jesiġi wkoll għal ‘bidliet strateġiċi profondi’ skont Stephen Lovegrove, li hu l-konsulent għas-sigurtà nazzjonali għall-Gvern Britanniku

L:-iżviluppi sadanittant ifissru li l-Awstralja se ssir biss is-seba’ pajjiż fid-dinja li jopera s-sottomarini ġġenerati bl-enerġija nukleari – bi Stephen Lovegrove itenni li l-patt inkwistjoni x’aktarx li jinvolvi l-aktar kollaborazzjoni sinifikanti ta’ dan it-tip li d-dinja qatt rat tul  l-aħħar 60 sena.