Lokali Qorti

Ilment kriminali mill-Imħallef Grixti kontra Jason Azzopardi mhux milqugħ

Ilment li sar mill-Imħallef Giovanni Grixti kontra d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ma kienx milqugħ minħabba li ma kien jeżisti l-ebda element kriminali. Dan kollu jirrigwardja dwar kummenti ppubblikati fuq Facebook mill-Avukat Azzopardi, dakinhar li l-Imħallef kien qed jiddelibera fuq talba għall-ħelsien mill-arrest minn Yorgen Fenech.

L-Imħallef Giovanni Grixti ressaq l-ilment kriminali wara li kien ħassu urtat mill-kummenti fuq Facebook li kien jgħid li hu xtara boat mingħand missier Yorgen Fenech lura fl-2008, meta huwa kien diġà mħallef. Fl-istess jum Grixti kien mistenni jiddelibera, kif fil-fatt għamel fuq pleġġ għal Yorgen Fenech innifsu, li jinsab mixli bl-involviment fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Grixti ressaq l-ilment, iżda l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali ċaħdu r-rapport tiegħu minħabba li ma kien hemm l-ebda element kriminali. L-aħbar tax-xiri tad-dgħajsa tefgħet dubji dwar l-imparzjalità ta’ Grixti, li eventwalment irrifjuta t-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Fenech.

Il-kummenti ta’ Azzopardi kienu wasslu wkoll lill-avukati ta’ Yorgen Fenech biex jiktbu lill-Prim Imħallef, u talbu jiddeploraw dak li ddeskrivew bħala “l-intimidazzjoni sistematika tal-ġudikatura b’tali mod li thedded proċess xieraq”.