Lokali

Infakkru l-ħajjiet ta’ tfal Maltin u Għawdxin li ġew abortiti

Nhar il-Ħadd 19 ta’ Settembru 2021 infakkru l-ħajjiet ta’ tfal Maltin u Għawdxin li ġew abortiti.

Fl-Istati Uniti, f’din il-ġurnata ssir kommemmorazzjoni solenni bħala Jum Nazzjonali ta’ Tifkira fil-pajjiż kollu permezz ta’ attivitajiet ta’ talb.

Konservattivament, huwa stmat li madwar sittin miljun tarbija tiġi abortita madwar id-dinja.

Il-kontribuzzjoni ta’ Malta għal din il-figura xejn sabiħa għadha komparattivament baxxa ħafna, għalkemm hemm pressjonijiet sabiex jinbidel l-istatus quo.

Il-Fondazzjoni Life Network tonora l-ħajjiet ta’ dawk it-tfal li ma tħallewx jitwieldu. Dawn jirrappreżentaw ġenerazzjonijiet mitlufa; wlied, aħwa u neputijiet neqsin.

Fi stqarrija saħqu li jittamaw li tasal il-ġurnata fejn ma jkollniex għalfejn nagħmlu Jum ta’ Tifkira, jiġifieri għall-ġurnata meta l-prattika tal-abort titqiegħed mal-lista ta’ prattiċi kkunsidrati barbariċi u għalhekk imwarrba, bħall-iskjavitu, it-traffikar tal-bnedmin, is-sagrifiċċju uman u l-isfruttament tat-tfal u affarijiet oħrajn li s-soċjetà ġabet fuqha nnifisha matul iż-żmien. Dan jirrappreżenta tant ħajjiet maħsuda u ġenerazzjonijiet mitlufa.

Sakemm tasal dik il-ġurnata, huwa xieraq li f’Malta jkun hemm post iddedikat lill-vittmi tal-abort, jiġifieri post fejn dawn l-innoċenti jkunu mfakkra u mibkija. Dan għandu jkun post fejn ommijiet u missirijiet jistgħu jsibu moment ta’ serenità qalb il-kaos tal-ħajja.

Parti mill-ġonna tad-Dar tal-Irtiri tal-Lunzjata (limiti tar-Rabat, Malta) sejrin jintużaw għal dan il-għan. Għalhekk, nhar il-Ħadd 19 ta’ Settembru 2021, l-Isqof Awżiljarju, Mons. Joseph Galea-Curmi, ser jiċċelebra quddiesa fl-10:30 ta’ filgħodu.