Lokali

Il-mara ta’ Keith Schembri titressaq il-Qorti akkużata b’ħasil ta’ flus; twieġeb mhux ħatja

id-difiża tgħid li l-akkużi "mhux reali"

Josette Schembri Vella tinsab quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit b’akkużi fiskali fosthom ta’ ħasil ta’ flus.

L-akkużi jkopru perjodu bejn l-2008 u l-2020.

Id-difiża ta’ Schembri. li hija mart l-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri qed topponi b’saħħa l-akkużi li bihom tinsab akkużata l-klijenta tagħhom.

Josette Schembri ddaħħlet fl-awla u wieġeb mhux ħatja għall-akkużi li tressqet bihom. Schembri tidher kalma u ma lissnitx kelma oħra wara li wieġbet mhux ħatja.

13:34 Id-difiża u l-prosekuzzjoni qed jargumentaw fil-Qorti dwar l-akkużi ta’ Schembri.

13:38 il-Maġistrat qed tistaqsi lill-prosekuzzjoni jekk hux se tkun tista’ tipprovdi valur li jikkwantifika l-ħasil ta’ flus li huwa allegat li seħħ.

13:40 -Qed jintqal li l-attachment order li kien hemm fuq Josette Schembri kien jiskadi llum u l-prosekuzzjoni qed titlob l-iffirżar tal-assi tas-sinjura Schembri.

13:41 Id-difiża rrimarkat li “biex nidhru sbieħ f’dal-pajjiż ħlief kawżi fuq ħasil ta’ flus mhux qed isiru”.

13:43 Id-difiża qed tallega abbuz ta’ poter f’dan il-każ.

13:47 L-akkużi huma marbuta ma’ kumpanija bl-isem 3 City Designs.

13:48 Id-difiża qed titlob lis-Supretendent Frank Anthony Tabone sabiex jagħti aktar informazzjoni dwar it-talba għall-ordni ta’ ffriżar tal-assi

13:49 Is-Supretendent jitla’ fuq il-pedana tax-xhieda u mitlub jgħid kemm huma l-ammonti li huma involuti f’dawn l-akkużi. Is-Supretendent wieġeb li kien hemm tranżazzjonijiet bejn il-kumpanija Kasco u 3 City Designs u viċi versa.

13:52 Tintalab tixhed ukoll l-Ispettur Leanne Bonello. Hija twieġeb li l-ammont approssimattiv huwa ta’ miljun u nofs ewro. Iżda d-difiża takkuża lix-xhud li mhux qed tgħid il-verità.

13:53 Id-difiża titlob li l-valur jitniżżel ħalli jekk ‘il quddiem il-valur jinbidel, l-Ispttur Bonello ġġor fuqha r-responsabbiltà ta’ dak li qalet.

13:54 Id-difiża titlob li l-Qorti tieħu nota ta’ dan il-valur.

13:55 Il-Qorti laqgħet it-talba għall-iffriżar tal-assi ta’ 3 City Design Ltd u mhux tal-assi personali ta’ Josette Schembri.

13:56 Il-Prosekuzzjoni qed titlob kundizzjonijiet strinġenti ħafna biex il-biżgħat li Schembri taħrab minn pajjiżna jiġu indirizzati. Dan fid-dawl li kien hemm investigazzjonijiet estensivi fuq dan il-każ. Madankollu ma toġġezzjonax għall-ħelsien mill-arrest.

14:00 Id-difiża tagħmel appell imqanqal lill-Qorti biex tkun ħanina ma’ Schembri issa li qed trabbi żewġt itfal waħedha u li għandha fuqha l-piż tat-tmexxija tal-kumpaniji.

14:03 Wara li qieset it-talbiet kemm tad-difiża kif ukoll dik tal-prosekuzzjoni, il-Qorti tgħid li Schembri trid tħallas €10,000 flimkien ma’ depożitu ta’ €40,000, trid tiffirma erba’ darbiet fil-ġimgħa fl-għassa tal-Qawra u trid tidħol id-dar sa nofsillejl u ma toħroġx qabel is-6.30am.

Schembri ma tistax issiefer jekk mhux bil-permess tal-Qorti

Ritratt: Martin Agius

Wara jiem ta’ investigazzjonijiet intensivi mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji, illum ħarġu l-akkuzi fil-konfront ta’ kumpanija u l-mara ta’ l-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri

Josette Schembri tressqet il-Qorti taħt arrest għal ħabta tas-1:30pm quddiem il-Magistrat tal-Ghassa Claire Stafrace Zammit u ġiet akkużata b’reati ta’ ħasil ta’ flus, fost oħrajn. Hi qed twieġeb mhux ħatja, bid-difiża tgħid li l-akkużi mhumiex reali.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-kaz qed titmexxa mill-avukati Antoine Agius Bonnici u Andrea Zammit mil-Uffiċċju tal-Avukat Generali, assistiti mil-Ispettur Lianne Bonello u mil-Ispettur Ian Camilleri.