Xibka it-tul ta’ żewġ grounds u nofs tal-football , tħalliet f’qiegħ il-fliegu ta’ bejn iċ-Ċirkewwa u Kemmuna, u kienet diġà qabdet fiha għadd ta’ ħut u kreaturi tal-baħar. U li ma kienx għall-intervent ta’ individwi li ħarqithom qalbhom għal dak li seta’ jiġri, kieku, il-ħsara kienet tkun ħafna akbar.
Fl-aħħar jiem, Raniero Borg ta’ Raniero’s Adverntures flimkien ma’ Andrew Schembri tal-NGO Żibel u bl-għajnuna ta’ diversi persuni oħra wettqu operazzjoni li permezz tagħha tellgħu dan il-parit, kif inhuma msejħa xbieki bħal dawn minn qiegħ il-baħar. Dan il-parit kien twil mal-250 metru.
L-operazzjoni kienet waħda li nqasmet fuq erbat ijiem. Fl-ewwel ġurnata ġie llokalizzat il-parit, u fit-tieni jum ġie żgurat li dan kien parit abbandunat u li ma kienx se jiġi għalih xi sajjied.
Fit-tielet jum, bdiet l-operazzjoni biex il-parit ikun imċaqlaq minn postu – operazzjoni delikata u perikoluża anke għax dan kien jinsab fil-passaġġ marittimu tal-vapuri t’Għawdex – li għamel din l-operazzjoni aktar diffiċli. Tant hu hekk li l-ewwel tentattiv biex jittella’ l-parit dakinhar kellu jkun abbandunat.
Iżda imbagħad, grazzi għall-perseveranza u l-isforzi ta’ Raniero u Andrew, il-parit tressaq kollu f’post wieħed… twarrab minn fejn kien f’nofs il-passaġġ marittimu billi nġibed permezz ta’ dgħajsa, biex fl-aħħar ittella’ fuq l-art.
Il-ħut u kreaturi oħra li kienu għadhom ħajjin u maqbuda fix-xibka, fosthom awwisti,, ġew meħlusa u mpoġġija lura fil-baħar. Oħrajn, sfortunatament laħqu mietu maqbdu fil-ħbula.
//= $special ?>