Futbol Sport

L-ewwel rebħa u punti għal Fgura

Chris Cassar

Fgura ……….…………. 3
Żebbuġ ………………… 0

Fgura : J. Azzopardi, L. Pisani, D. Caruana, R. Prudente, J. Silva Ewerton, M. Brincat, K. Gandini, J. Vella, J. Cassar, S. Borg, G. Borg.

Żebbuġ : A. Benjelloun, S. Bugeja, T. Bartolo, Y. Tonna, J. Perez, J. Silveira Da Silva, L. Gauci, R. Vella, J. Sciberras, S. Miloskovic, G. Gesualdi.

Referee: Daniel Casha

Fgura kisbu l-ewwel rebħa u l-ewwel punti tal-istaġun meta meritatament għelbu lil Żebbuġ Rangers f’logħba li t-tim immexxi minn Kevin Vella iddomina għal ħinijiet twal. Għal Żebbuġ wirja diżappuntanti li fissret it-tieni telfa konsekuttiva fejn ir-Rangers għadhom qed ifittxu l-ewwel gowl tal-istaġun.

L-ewwel periklu minn naħa ta’ Fgura wara 13-il minuta fejn Ewertton żmarka lil Gabriel Borg li kkonkluda ftit għoli. Fit-30 minuta Fgura fetħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ korner, id-difiża ta’ Żebbuġ ma rnexxielhiex ittajjar il-ballun u Gandini b’xutt fil-baxx sab ix-xibka.

L-ewwel azzjoni ta’ Żebuġ fis-37 minuta b’xutt bid-dawra ta’ Yanis Tonna ftit għoli. Minuta wara azzjoni veloċi ta’ kontrattakk ta’ Fgura bix-xutt ta’ Ewertton salvat minn fuq il-linja minn Gesualdi.

Kien il-preludju tat-tieni gowl li wasal żewġ minuti wara b’azzjoni mibdija minn Prudente li mil-lemin qassam lejn Dylan Caruana li wara kontroll tajjeb skorja b’xutt fil-baxx.

Tmien minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Fgura prattikament għalqu l-logħba b’azzjoni ta’ kontrattakk b’Gabriel Borg jevita’ l-goalkeeper qabel qassam lejn Prudente li kompla għal ġewwa f’lasta vojta.

Naxxar jiksbu t-tieni rebħa konsekuttiva

St.George’s …………………. 0

Naxxar L. …………………….. 1

St. George’s: A. Spiteri, J. Briffa, C. Brincat, I. Abela, R. Cutajar, G. Sultana, K. Suemitsu, R. Sammut, J. Spiteri, L. Chiedozie, Z. Bowman.

Naxxar L: O. Borg, A. Azzopardi, G. Martins Leite, M. Mifsud, J. Debono, R. Cassar, S. Saldanha, J. Ellul, D. Fenech, S. Meilak, D. Kassekar.

Referee: Stefan Pace

Naxxar kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta f’logħba ferm bilanċjata għelbu lil St Georges 1-0. Il-logħba kienet deċiża minn żball kbir tal-goalkeeper Spiteri li ħarablu l-ballun minn idejh biex irregala l-vantaġġ lill-avversarji.

Kien riżultat kiefer wisq mal-Bormliżi li wrew titjib sostanzjali fuq l-ewwel ħarġa tagħhom kontra San Gwann iżda xorta waħda ma ħadu xejn minn dan il-konfront, anki jekk wieħed irid jgħid li fl-aħħar ħinijiet Naxxar iddominaw u resqu qrib diversi drabi t-tieni gowl.

Naxxar ħarġu aħjar iżda l-ewwel periklu tal-logħba nħoloq minn St.George’s permezz ta’ Suemitsu li qassam lejn Ryan Cutajar li minn qagħda ideali xeħet inkredibilment barra bir-ras. Fil-25 minuta azzjoni oħra Bormliża u xutt ta’ Spiteri ftit barra.

Fl-40 minuta l-ewwel konklużjoni għal-lasta minn naħa ta’ Naxxar bi freekick ta’ Martins Leite salvat b’diffikulta minn Spiteri.

Tnax-il minuta mill-ftuħ tat-tieni taqsima Naxxar fetħu l-iskor bl-iktar mod mhux mistenni meta l-goalkeeper Bormliż ħarablu l-ballun minn idejh u Cerqueira Farias, li kien għadu kif daħal, skorja b’rovexxata.

St.George’s resqu qrib fis-66 minuta iżda x-xutt tas-sostitut Nomura kien maqlugħ minn fuq il-linja minn Ryan Cassar. Tmien minuti mit-tmiem Naxxar setgħu għalqu l-logħba meta minn azzjoni ta’ freekick Kassekar għal darba darbtejn laqat sieq il-lasta mill-viċin.