Lokali

“Lil binti ġenninhieli r-reġim fil-ħabs” – missier vittma żagħżugħa

"Għaddhiet minn abbuż mentali kbir"

Missier żagħżugħa ta’ 29 sena li neħħiet ħajjitha b’idejha fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin…liema mewt wasslet sabiex ġew sospiżi żewġ gwardjani..saħaq li r-reġim fil-binja ħabs ġenninlu lil bintu.

Huwa qal dan f’intervista mal-ġurnal  Times of Malta, hekk kif missier Kim Borg Nicolas saħaq li l-imġieba fil-ħabs ta’ min suppost ħa ħsiebha farkitha f’mitt biċċa u waslitha sax-xifer. Martin Borg Nicolas iddeskriva mumenti ta’ bullying kifukoll li kienu jibgħatuha f’iżolazzjoni fuq affarijiet żgħar. Huwa allega wkoll li sar jaf li meta bintu esprimiet mal-gwardjani li riedet tneħħi ħajjitha…tawha kutra u qalziet….li eventwalment użat f’attentat ta’ suwiċidju.

Kim instabgħet fiċ-ċella tagħha fis-16 ta’ Ġunju u sfortunatament tilfet ħajjitha 3 ġimgħat wara fl-Isptar Mater Dei…bil-funeral tagħha jsir fil-31 ta’ Awwissu…proprju fil-jum meta għalqet 30 sena.

Il-missier insista li bintu daħlet il-ħabs sabiex tirriforma ruħha u minflok ħarġet f’tebut. Huwa insista li hemm bżonn li jissalvaw il-ħajjiet u mhux imutu aktar żagħżagħ fiċ-ċellel.

Iż-żagħżugħa kienet qed tiskonta sentenza ta’ sentejn priġunerija fuq akkużi ta’ frodi….u kien għad fadlilha biss 3 ġimgħat sabiex terġa’ tinħeles…qabel ma’ mietet.

Missierha rrakkonta kif qatt ma kien informat li kellha problemi ta’ saħħa mentali għajr meta kienet rikoverata fit-Taqsima tal-Kura Intensiva … meta tabib tal-ħabs infurmah li bintu provat tneħħi ħajjitha 4 darbiet qabel.

Dan imur kontra dak kollu li saħqu l-Awtoritajiet tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fejn saħqu li Kim Borg Nicolas qatt ma uriet tendenzi suwiċida. Madanakollu missierha nsista li jumejn qabel il-każ, bintu kienet qatgħet il-polz b’xi ħġieġ ta’ mera mkissra.  

Huwa saħaq li bintu waqgħet għall-vizzju ta’ droga ta’ 17-il sena u kellha t-tlajja u l-inżul kawża tal-isfida ta’ droga. Il-missier spjega li dejjem kienet tgħin lil ħaddieħor ankè fil-ħabs stess u kienet qed turi sinjali ta’indiema – lesta tattendi għal programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga.

Irrakkonta wkoll id-darba meta tpoġġiet f’iżolazzjoni għal disat ijiem minħabba li kienet qattgħet żewġ minuti żejda tinħasel…b’erbat ijiem minnhom mingħajr il-mediċina li kellha bżonn. Għaldarb’oħra dan imur kontra ma qalu l-uffiċjali tal-ħabs…li Kim qatt ma tqiegħdet f’iżolazzjoni.

Huwa spjega li bintu talbet biex tittieħed tingħata kura fl-Isptar Monte Karmeli…iżda din it-talba kienet injorata jew rifjutata.

L-Avukati tal-familja tal-vittma saħqu li jridu ġustizzja sabiex ulied oħra ma jiġrilhomx bħal Kim. Dan filwaqt li kelliema għall-Ministeru ta’ Byron Camilleri..għoġobhom ma jikkumentawx…bil-Ministru nnifsu jaħrab mid-domandi ta’ Net News.

Intant b’reazzjoni għal din l-intervista xokkanti l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech saħaq li sfortunatament aħbar bħal din hija konsegwenza ta’ tmexxija vendikattiva u evidenza ċara tal-isfreġju li hemm fil-ħabs.

Bernard Grech insista li taħt it-tmexxija ta’ Alex Dalli, dawn l-aħbarijiet qed isiru parti min-norma.

Il-Kap tal-PN stqarr li l-ħabs huwa post fejn wieħed imur biex ikun riformat, mhux post fejn jintilfu l-ħajjiet.

Kull min għandu bżonn għajnuna għandu jagħmel kuntatt immedjatament ma’ Richomd Foundation fuq in-numru 1770. F’każ ta’ emerġenza ċemplu lil Mater Dei Hospital Crisis Intervention Service fuq 25453950.