Lokali

“Ma rajtux ir-rapport Ministru? Fejn kont int?” – messaġġ imqanqal ta’ Peppi Azzopardi

“X’għarukaza! Misskom tistħu. Imqar għall-gideb li tgħidu”

Ftit tal-ħin ilu, il-preżentatur u opinjonista Peppi Azzopardi tella’ messaġġ imqanqal ferm dwar dak li qed jiġri f’Kordin.

Wara li issa l-Pulizija se tkun qed tressaq żewġ uffiċjali tal-ħabs hekk kif intemmet inkjesta fil-mewta ta’ priġuniera zagħżugħa, Peppi Azzopardi fil-messaġġ li għadda qal lill-Ministru Byron Camilleri biex ifittex jippubblika din l-inkjesta u r-riżultati kollha tal-inkjesti li saru fi mwiet oħra li seħħew fil-ħabs.

Azzopardi jgħid li ma jistax jifhem kif il-Ministru jista’ jgħid li l-ħabs tista’ tibqa’ bit-tmexxija preżenti.

Jisfida lill-Ministru u jistaqsih jekk kienx rah ir-rapport taċ-ċaqlieq kollu ta’ din il-priġuniera żagħżugħa. Jistaqsih jekk rax li din il-priġuniera kellha tliet kustilji miksura u li kellha idejha maqtugħha, sinjali ċari li kienet qed tipprova tneħħi ħajjitha. Hu staqsa lill-Ministru Byron Camilleri “Fejn kont int?”

Azzopardi appella lill-uffiċjali tal-ħabs biex ma jobdux ordnijiet biex isawtu lill-priġunieri, biex jittrattawhom “ta’ żibel” u biex jinjorawhom meta jkunu mweġġgħin. Azzopardi qal li inkella huma se jiġu kompliċi tad-Direttur u tat-tmexxija.

“Imbagħad iwaħħlu fikom” qal Azzopardi li nsista li anke l-uffiċjali huma tterrorizzati fil-ħabs ta’ Alex Dalli.

Jekk tħalli n-nies ineħħu ħajjithom b’idejhom, tkun qisek qed toqtolhom, sostna Azzopardi li kompla jindirizza direttament lill-Ministru Camilleri. Hu widdbu li jekk l-affarijiet se jibqgħu kif inhuma se jkun hemm aktar priġunieri li jmutu minħabba s-sitwazzjoni f’Kordin.

Azzopardi semma’ l-każ ta’ priġungiera li ilha 7 xhur maqfula ma tkellem lil ħadd, u li wkoll qed ikollha ħsibijiet biex tneħħi ruħha bidejha.

Peppi Azzopardi wissa’ lill-Ministru biex lil din il-priġuniera ma jagħmlulha xejn issa li tkellmet u kompla jappella lill-priġunieri sabiex jitkellmu dwar dak li qed jiġri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.