Lokali Qorti

L-Avukat Ġenerali jmur għal ġuri mingħajr x-xhud prinċipali

Kif kien previst l-ġuri dwar 2kgs cannabis ntemm b’verdett ta’ mhux ħati u dan wara li l-Avukat Ġenerali mar għal ġuri meta x-xhud prinċipali Wayne Grima ma setax jixhed peress li l-każ tiegħu għadu pendenti. Apparti x-xhud prinċipali li ma xehedx tista tgħid ma kienx hemm provi oħra peress li l-istqarrija tal-akkużat ukoll ġiet mneħħija.

Toni Curmi ta’ 39 sena illum ġie liberat b’sitt voti kontra tlieta minn akkużi ta’ traffikar ta’ cannabis li jmorru lura għat-22 ta’ Novembru 2014 f’Ħal Tarxien. Il-ġuri beda nhar t-Tlieta u nstema’ quddiem l-Imħallef Scerri Herrera. L-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo dehru għall akkużat filwaqt li l-avukat Anthony Vella deher għall-Avukat Ġenerali.

Jidher li waqt li l-Avukat Ġenerali kien ilu jaf għal diversi xhur kien biss nhar t-Tnejn lejlet li beda l-ġuri li l-Avukat Ġenerali għamel talba għal differiment liema talba ovvjament ġiet miċħuda għax saret lejlet l-ġuri. Talba simili kienet saret lura fl-2020 pero l-Qorti kienet qalet li kien kmieni wisq.

Dan kien ieħor minn sensiela twila ta’ ġurijiet li ntilfu mill-AĠ fl-aħħar xhur. Mill-istess uffiċċji fl-aħħar sena biss telqu madwar erbatax-il avukat.