Internazzjonali

Russja: Tfixkil għall-Oppożizzjoni waqt l-elezzjoni għall-Parlament

L-osservaturi tar-Russja huma mħassbin dwar ‘l-aħħar manuvri minn Moska’ meta, fl-aħħar sigħat, ir-Russi bdew jivvutaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament (Duma), kif ukoll fl-elezzjonijiet lokali.

Dan meta mill-ewwel jum tal-votazzjoni, ma setax isir downloading ta’ Smart Voting app li kien żviluppat fuq l-inizjattiva tal-Kap tal-Oppożizzjoni Russu Alexei Navalny, li fil-preżent qed jinżamm il-ħabs. L-app, fil-fatt, tneħħa mis-stores tal-Apple u Google wara li l-awtoritajiet Russi heddew li jimmultaw liż-żewġ kumpaniji f’każ li kellhom jirrifjutaw li jwarrbu l-app inkwistjoni.

Dan il-proprju app, sadanittant, seta’ jintuża biex jinforma lin-nies dwar il-kandidati li ‘jistgħu jieħdu post il-kandidati tal-partit fil-Gvern’.

L-elezzjonijiet qed isiru fuq tlett ijiem u meta r-rebbieħ kbir mistenni jkun Il-Partit għal Russja Waħda mmexxi mill-President Russu Vladimir Putin.

Minkejja li erbatax-il partit qed jieħdu sehem fil-vot, ħafna kandidati meqjusin bħala ‘anti-Putin’ huma projbiti milli jikkuntestaw l-elezzjoni, Dawn jinkludu kull persuna li setgħet kienet assoċjata mal-moviment tal-Oppożizzjoni ta’ Navalny.

Fil-fatt, hu minnu li numru ta’ avversarji prominenti tal-Kremlin spiċċaw kostretti li jitilqu mir-Russja.