Lokali

“Waqqfu l-Ħerba” – Din l-Art Ħelwa Għawdex

Ritratt: NET Media

Din l-Art Ħelwa Għawdex (DLĦGħ)  tappoġġa bil-qawwa l-proposti konġunti magħmula dan l-aħħar minn The Malta Chamber of Commerce u l-Gozo Business Chamber, b’mod speċjali l-proposti taż-żewġt ikmamar li jkun hemm regolamentazzjoni aħjar fejn tidħol l-protezzjoni tal-ambjent uniku naturali, storiku u kulturali ta’ Għawdex; biex ikun hemm kontroll fuq it-tixrid ta’ żvilupp fl-ODZ; u biex ikun żgurat  l-użu għaqli u meqjus tal-pajsaġġ Għawdxi, waqt li tkun irrispettata l-kultura u l-awtentiċita’ tal-gżira.

DLĦGħ issaqsi għaliex il-Gvern u l-Awtorita’ tal-Ippjanar jibqgħu jippersistu u jippermettu li l-iżviluppaturi jisfidaw kull argument loġiku u emozzjonali billi jitħallew ikomplu b’iżviluppi diżastrużi f’siti sensittivi Għawdxin, li jħallu warajhom ħerba sħiħa. In-nuqqas ta’ rispett lejn ‘il-ġid komuni’ tkompli anki meta l-pubbliku Għawdxi u Malti, is-Sindki Għawdxin, l-NGOs kollha ambjentali kif ukoll il-Kmamar Għawdxin u Maltin kollha tan-negozju/turiżmu qed jitkellmu b’leħen wieħed biex titwaqqaf il-qerda ta’ Għawdex, u jiġu protetti u preservati l-wirt arkitettoniku tradizzjonali tal-gżira, l-istil ta’ ħajja u l-veduti u xeni rurali u kostali.

DLĦGħ qed tinsisti li l-gvern jieħu azzjoni immedjata u titlob lill-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni fuq it-tlett rakkomandazzjonijiet ewlenin biex jitwaqqaf it-taħsir, sabiex Għawdex terga’ tieħu n-nifs meħtieg sakemm jiġu riveduti u msaħħin l-policies u linji gwida tal-ippjanar li huma fis-seħħ bħalissa.

  1. Sospensjoni ta’ tnax-il xahar ta’ DC15 Annex 2 fejn jidħol kull żvilupp ġdid f’Għawdex

(Annex 2 jippermetti bini ta’ ħames sulari f’inħawi ta’ tlett sulari, li jiġġeneraw densitajiet estremi, li jtellfu l-kwalita’ tal-ħajja u jirvinaw il-karattru tal-irħula Għawdxin).

  • Moratorju immedjat għal perijodu ta’ tnax-il xahar fuq l-applikazzjonijiet kollha ODZ

(Sakemm jitfasslu linji gwida ġodda li permess tagħhom jistgħu jittieħdu deċiżżjonijiet tal-ippjanar konsistenti li jkunu konformi ma’ policies stretti ġodda, sabiex jinqata’ l-użu sistemiku mhux suppost ta’ art ODZ).

  • Impożizzjoni għal tnax-il xahar ta’ estensjoni ta’ 250 metru tal-konfini tal-UCA

(Biex jinħoloq buffer zone li jipproteġi l-wirt fil-qalba tal-irħula sakemm isiru studji ta’ konservazzjoni u jiġu eżaminati l-Pjani tal-Viċinat, bl-impożizzjoni ta’ linji gwida stretti).

Hija l-fehma soda ta’  DLĦGħ li jekk ma tittiħidx azzjoni immedjata fuq il-proposti hawn fuq imsemmija, Għawdex tfalli żgur, flimkien mal-prospetti ekonomiċi u l-prodott turistiku, filwaqt li azzjoni immedjata u pożittiva tipproteġi u tippreservi lill-gżira għall-ġenerazzjoni tallum u dawk tal-futur.