Ambjent Lokali

Wasteserv twaqqaf il-ħlasijiet lill-Koperattiva GreenPak

Il-kolletturi tal-iskart separat aktarx se jispiċċaw mingħajr ħlas għal xogħolhom wara li l-aġenzija tal-Gvern Wasteserv iddeċidiet li żżomm il-ħlasijiet dovuti lill-Koperattiva GreenPak, li tipprovdi s-servizz ta’ ġbir mal-pajjiż kollu għal skart separat.

Fi stqarrija, il-Koperattiva spjegat li l-kuntratt bejn Wasteserv u GreenPak ilu fis-seħħ mill-2012 u jistabilixxi r-rati li bihom l-aġenzija tal-Gvern tħallas lill-Koperattiva għall-iskart imwassal. Min-naħa tagħha, Wasteserv titratta u tesporta l-materjal lil riċiklaturi barra mill-pajjiż.

Iżda Wasteserv iddeċidiet li tieqaf tonora l-kuntratt u għalhekk, inbdew xhur ta’ diskussjonijiet mal-Gvern, li s’issa għadhom ma wasslu għall-ebda progress. Dan kollu qed iwassal biex il-Koperattiva qed tiffaċċja diffikultajiet fil-likwidità, ladarba din tiddependi fost l-oħrajn mill-ħlasijiet mill-aġenzija tal-Gvern biex tkopri l-ispejjeż sinifikanti marbutin mal-ġbir tal-iskart riċiklabbli.

Persuni li tkellmu ma’ NET News esprimew it-tħassib tagħhom għall-fatt li, jekk il-Gvern jibqa’ ma jsolvix is-sitwazzjoni, jaf ikun hemm sitwazzjoni fejn il-kolletturi ma jiġbrux l-iskart separat għad-detriment ukoll tal-familji li, allura, jispiċċaw bl-iskart jitħalla wara biebhom.

Aġġornament: Sadanittant, fi stqarrija bi tweġiba, Wasteserv ċaħdet li ma tridx tħallas lill-Koperattiva GreenPak, għalkemm ikkonfermat li hemm nuqqas ta’ ftehim dwar l-iskema ta’ ħlas bejnha u l-operaturi privati li jwasslu l-materjal riċiklabbli.