Futbol Sport

Ħames timijiet mingħajr telfa fil-ħames ġurnata tal-Premier League

Fil-ħames ġurnata tal-Premier League ħames timijiet għadhom mingħajr telfa filwaqt li kollha jinsabu b’10 punti. Man Utd, Chelsea, Liverpool u Everton se jkunu qed iħarsu li jżommu posthom mal-ewwel erbgħa b’rebħiet fil-partiti rispettivi tagħhom. Chelsea se jkunu qed jaffaċjaw l-aktar tim diffiċli hekk kif se jiltaqgħu kontra Tottenham f’wieħed mid-derbies ta’ Londra. It-tim immexxi minn Thomas Tuchel għadu ġej minn rebħa ta’ 3-0 kontra Aston Villa u rebħa minima ta’ 1-0 fil-UEFA Champions League kontra Zenit, bl-attakkant Romelu Lukaku jinsab f’forma mill-aqwa.

Min-naħa l-oħra Tottenham tilfu l-aħħar partita tagħhom fil-Premier League 3-0 kontra Crystal Palace, filwaqt li temmew fi draw ta’ 2-2 kontra Stade Rennes fil-UEFA Europa League. Tottenham mistennija jkunu mingħajr Lucas Moura, Steven Bergwijn u l-Korean Heung Min Son, fejn mistennija jiddependu fuq Harry Kane u Dele Alli biex jipprovdu l-gowls.

F’partita oħra il-leaders Man Utd se jmorru għand West Ham, li huwa tim ieħor li għadu mingħajr telfa. Filwaqt li Man Utd ġejjin min telfa kontra Young Boys fl-Ewropa, West Ham ħarġu b’rebħa ta’ 2-0 fil-konfront kontra Dinamo Zagreb. Minkejja li Man Utd huma fost il-favoriti li jirbħu l-Premier League, speċjalment wara r-ritorn ta’ Cristiano Ronaldo, West Ham qed jilagħbu futbol mill-aqwa taħt il-kowċ David Moyes, b’Declan Rice u Michail Antonio fost l-aqwa plejers fil-Premier League fil-mument.

F’Anfield it-tim immexxi minn Jurgen Klopp se jaffronta lil Crystal Palace, li għadhom ġejjin mill-ewwel rebħa tagħhom taħt il-kowċ Patrick Vieira. Min-naħa l-oħra Liverpool għadhom ġejjin minn rebħa fil-UEFA Champions League kontra Milan, f’partita diffiċli, bi Klopp mistenni jintroduċi plejers oħra u jserraħ xi plejers li lagħbu fost il-ġimgħa.

PREMIER LEAGUE

Ilbieraħ Newcastle v Leeds 1-1 Illum Wolves v Brentford 1.30pm Norwich v Watford 4.00pm, Burnley v Arsenal 4.00pm, Man City v Southampton 4.00pm Liverpool v C’Palace 4.00pm, Aston Villa v Everton 6.30pm Għada Brighton v Leicester 3.00pm, West Ham v Man Utd 3.00pm, Tottenham v Chelsea 5.30pm