Lokali

Ikompli l-indħil minn Kastilja fix-xandir nazzjonali

Is-sit Shift News irrapporta li Kastilja ordnat biex aħbar dwar is-sospensjoni tal-uffiċjal ta’ Neptunes Rainer Scerri titneħħa minn fuq is-sit ta’ TVM.

Jidher li s-sit tvm.com.mt, fl-10 ta’ Settembru rrapporta li Scerrri kien sospiż għaxar partiti u mmultat €960 wara li nstab ħati li hedded lill-uffiċjal Carlo Mifsud fi tmiem partita tal-waterpolo. Din id-deċiżjoni ttieħdet mill-bord tad-dixxiplina tal-ASA wara investigazzjoni dwar il-każ.

(Ritratt: Shift News)

Sorsi mill-PBS qrib Shift News qalu li saru telefonati minn Kastilja direttament lill-Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet Norma Saliba fejn saret pressjoni biex din l-aħbar titneħħa kemm jista’ jkun malajr.

Shift News tirraporta kif Rainer Scerri huwa attvist tal-Gvern Laburista fejn il-familja tiegħu għal xi żmien kienu canvassers tal-Ministri Michael Falzon u Evarist Bartolo, b’Scerri juża l-midja soċjali biex kontinwament jattakka membri tal-Partit Nazzjonalista. Ħu Rainer, huwa Clint Scerri li serva għal xi żmien bħala persuna ta’ fiduċja fl-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari Micheal Falzon li kien responsabbli milll-artijiet pubbliċi li kien involut fil-kontroversja tal-iskandlu ta’ Gaffarena dwar propjetà pubblika fi Triq Zekka. Dan l-iskandlu fost l-oħrajn kien wassal għar-riżenja ta’ Michael Falzon.

Fl-aħħar xhur, il-Partit Nazzjonalista u anke numru ta’ gruppi oħra indipendenti resqu numru ta’ lmenti dwar l-imparzjalità fix-xandir mill-istazzjoni nazzjonali, fejn statistka turi li l-istazzjon nazzjonali huwa maħtuf mill-Gvern Laburista.