Sport Waterpolo

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena jikklassifika mal-aqwa 13 fil-Kampjonat Ewropew

(Ritratt: Timmy Cutugno)

Rapport: Stewart Said

UKRAJNA………….. 4

MALTA……………… 12

(2-2), (0-2), (1-4), (1-4)

It-12-il post sentejn ilu f’Georgia u t-13-il post fil-Kampjonat Ewropew ta’ taħt is-17-il sena li sar f’pajjiżna. Personalment nemmen li seta’ nikseb riżultat aħjar kieku ma waslitx it-telfa minima kontra r-Rumanija, f’logħba li setgħet intrebħet.

Iżda ma nistax ma nfaħħarx l-impenn tal-kowċ nazzjonali Anthony Farrugia u t-tim tekniku tiegħu flimkien mal-plejers li komplessivament kellhom kompetizzjoni pożittiva. Dan ir-riżultat ikompli juri li b’aktar investiment, iż-żgħażagħ Maltin jistgħu jikkompetu ma’ pajjiżi tamparna u ftit aħjar.

It-tim Malti kiseb vantaġġ doppju fit-tieni parti tal-ewwel sessjoni. L-ewwel kien Jayden Cutajar li fetaħ l-iskor f’azzjoni ta’ superjorità numerika biex anqas minn minuta wara, Alec Fenech irdoppja il-vantaġġ minn penalty. Iżda rimonta mill-Ukreni wasslet biex irkupraw l-iżvantaġġ fl-aħħar minuta u nofs.

It-tieni sessjoni ma kinitx waħda spettakolari, bit-tim Malti deher jikkonserva l-enerġija minkejja li l-kowċ Anthony Farrugia ried lit-tim jippressa lill-avversarju. Madankollu Jayden Cutajar poġġa lit-tim Malti fil-vantaġġ bi ġmiel ta’ backhand mis-centre u Kieyan Borg għamilhom 4-2 fl-aħħar azzjoni Maltija tas-sessjoni.

Iż-żgħażagħ Maltin urew is-supremazija u kabbru d-distakk għal ħames gowls. Jake Cachia u Matthew Mifsud skorjaw minn azzjoni personali quddiem il-gowlkiper avversarju, l-Ukreni naqqsu d-distakk b’gowl ftit fortunat ta’ Danylo Sokolov iżda fl-aħħar minuta u nofs waslu żewġ gowls oħra. Alec Fenech minn kontrattakk u Jayden Cutajar fl-aħħar erba’ sekondi għamluhom 8-3.

Fl-aħħar konfront kontra t-Turkija, it-tim Malti beda l-aħħar sessjoni bi żvantaġġ ta’ ħames gowls. Din id-darba, huma kkontrollaw mingħajr pressjoni żejda u baqgħu jkabbru l-iskor perjodikament, biż-żagħżugħ Russell Caruana jkollu l-opportunità li jniżżel ismu fost l-iskorers lejn it-tmiem.

Ukrajna: M. Bibikov, D. Rakitin, N. Haziiev, D. Khatsko, M. Klunnyi (1), I. Liubinskyi, D. Sokolov (1), M. Bahriy, B. Motyl (2), D. Hupalovskyy, A. Zelyk, D. Kyslenko, A. Lobodynskyi

Malta: G. Borg, M. Mifsud (2), R. Caruana (1), D. Rizzo, J. Cachia (1), L. Mallia, J. Cutajar (4), K. Borg (1), S. Azzopardi, A. Fenech (2), S. Gialanze (1), S. Mifsud

Referees: Philipp Golosoun (Belarus), Akif Uz (Turkija)