Liverpool kisbu rebħa tajba, 3-0, fuq Crystal Palce f’Anfield Road u meta huma għadhom mingħajr telfa mill-bidu tal-ogħla kampjonat Ingliż (b’erba’ rebħiet mill-ewwel ħames konfronti). Ir-Reds, issa, qabżu fl-ewwel post tal-Premier League bi 13-il punt minn ħames logħbiet – fejn huma segwiti minn Everton, Manchester City u Manchester Utd (b’talaħħar illum jilgħabu kontra West Ham United fil-London Stadium;). Il-logħba f’Anfield kienet trijonf personali għall-attakkant Senegaliż Sadio Mane li skorja l-100 gowl tiegħu għal Liverpool – bit-tim ta’ Jurgen Klopp joħloq diversi ċansijiet kontra Palace, li wkoll kellhom opportunitajiet għal skor u fejn sabu lill-gowlkiper Alisson dejjem attent biex ibiegħed kull periklu. Intant, Liverpool żblukkaw ir-riżultat tliet minuti qabel il-mistrieħ meta MANE approfitta mill-indeċiżjoni tad-difensuri avversarji biex isammar ġewwa mill-viċin. Fit-tieni taqsima, Palace kienu perikolużi f’diversi okkażjonijiet iżda kienu Liverpool li rduppjaw meta Mo SALAH, għaxar minuti mit-tmiem, sab ix-xibka bi flick-on minn korner. Minuti wara, Naby KEITA iffissa r-riżultat b’xutt mill-isbaħ għall-angolu tax-xibka għat-3-0 finali.
Iċ-Champions Ingliżi, Manchester City, b’sorpriża, kienu miżmuma minn Southampton (0-0) fl-Etihad Stadium u fil-fatt setgħu anki ħarġu telliefa minn dan il-konfront, bis-Saints ikunu l-aħjar tim lejn l-aħħar ħinijiet. Jerġa’ aktar sorprendenti kien il-fatt li City ma rnexxilhomx iwettqu mqar periklu wieħed fuq il-lasta tas-Saints sad-90 minuta. Intant, Southampton kisbu penalty wara siegħa, bir-referi, Jon Moss, ikeċċi lid-difensur ta’ City, Kyle Walker, għal fawl fil-kaxxa fuq Adam Armstrong – iżda dawn id-deċiżjonijiet kienu maqluba mill-VAR, wara li Moss segwa r-replay tal-inċident.
Free-kick stupend ta’ Martin ODEGAARD (30) f’Turf Moor kien biżżejjed biex jagħti l-ewwel rebħa lil Arsenal barra minn darhom għall-ispejjeż ta’ Burnley. L-attakkant Norveġiż sab ir-rokna tax-xibka wara li r-referi saffar fawl f’tarf iol-kaxxa favur il-Gunners, wara d-daħla kerha ta’ Ashley Westwood fuq Bukayo Saka. Dan kien l-ewwel gowl ta’ Odegaard mindu, ix-xahar li għadda, ingħaqad għal kollox ma’ Arsenal mingħand Real Madrid għal somma ta’ 30 miljun Sterlina Intant, Burnley kienu miċħuda minn penalty meta r-referi Anthony Taylor ( wara konsultazzjoni mal-VAR) bidel id-deċiżjoni biex jagħti penalty lill-Clarets wara li l-gowlkiper ta’ Arsenal, Aaron Ramsdale, deher iwaqqa lis-sostitut ta’ Burnley, Matej Vydra, fil-kaxxa.
Brentford kisbu l-ewwel rebħa barra minn darhom fil-Premier League fejn għelbu lil Wolves, 2-0, f’Molineux. Il-Bees, li rebħu promozzjoni storika fl-istaġun li għadda, marru fil-vantaġġ permezz ta’ penalty skurjat minn Ivan TONEY (28), bl-istess Toney, fl-34 minuta, jipprovdi assist għal Bryan MBEUMO għat-2-0. Wolves, minn dak il-ħin, kellhom aktar pussess iżda rari impenjaw lill-gowlkiper avversarju Raya u l-iskor ma nbidilx minkejja li Brentford spiċċaw il-logħba b’għaxra wara t-tkeċċija ta’ Baptiste, fl-64 minuta.
Il-konfront, f’Carrow Road, bejn in-neo-promossi Norwich City u Watford spiċċa f’rebħa, 1-3, għall-Hornets u li ħalliet lill-Canaries ta’ East Anglia fl-aħħar post tal-Premier League mingħajr l-ebda punt, Emmanuel DENNIS (17) approfitta mill-indeċiżjoni ta’ Ozan Kabak biex isib ix-xibka bir-ras, waqt li Teemu PUKKI (35) għamel l-iskor 1-1 wara li rċieva mingħand Mathias Normann. Intant, il-logħba reġgħet daret favur Watford meta Ismaila SARR kiseb il-vantaġġ fuq l-assist ta’ Joshua King, bl-istess Sarr jagħlaq kull diskors meta skorja rebound għat-3-1 finali wara li l-gowlkiper Krul kien salva x-xutt inizjali ta’ King.
Aston Villa kisbu rebħa komda fuq Everton, 3-0, f’Villa Park biex pattew għat-telfa kbira ta’ ġimgħa ilu ma’ Chelsea. Il-Villains ħallew sa tard biex iserrħu rashom mill-punti iżda fit-tieni taqsima huma skurjaw tliet gowls f’disa minuti – bl-azzjoni deċiżiva ta’ Matty CASH (66) twitti t-triq għal aktar gowls li waslu minn Digne (awtogol) u l-attakkant Ġamajkan BAILEY (eks Bayer Leverkusen).
PREMIER LEAUGE
Ilbieraħ: Newcastle v Leeds 1-1 Illum: Wolves v Brentford 0-2, Norwich v Watford 1-3, Burnley v Arsenal 0-1, Man City v Southampton 0-0, Liverpool v C’Palace 3-0, Aston Villa v Everton 3-0 Għada: Brighton v Leicester 3.00pm, West Ham v Man Utd 3.00pm, Tottenham v Chelsea 5.30pm