Edukazzjoni Lokali

“PN fil-Gvern se jkun qed iġib riforma radikali fis-salarji u l-kundizzjonijiet tal-edukaturi” – Bernard Grech

"Taħt Gvern Nazzjonalista, irrid inħajrek li int jekk tagħżel il-professjoni ta' għalliem, int se tkun imħallas kif suppost, li jekk int għalliem, int se tkun tista' tavvanza u timxi aktar 'il quddiem"

Segwi hawnhekk.


“Lill-għalliema jeħtieġ li ngħinuhom, jeħtieġ li anki ntejbulhom il-kundizzjoni tax-xogħol u l-pagi tagħhom. Gvern Nazzjonalista se jkun qed iwettaq dan.”

Hekk qal il-Kap tal-PN tul sessjoni oħra ta’ mistoqsija u tweġiba f’Ħ’Attard, bit-tema tkun dik tal-edukazzjoni. Sessjoni li ttellgħat is-Sibt filgħaxija.

PN li dejjem kellu għal qalbu l-edukazzjoni

Mistoqsi dwar il-viżjoni tal-PN għall-edukazzjoni, il-Kap tal-PN Bernard Grech qal li jqis li l-edukazzjoni hija l-aktar risorża importanti ta’ Malta, għax il-bniedem u l-għarfien tiegħu għall-PN huwa prijorità.

Huwa sellem l-edukaturi, lil dawk kollha li jaħdmu fis-settur edukattiv, tal-impenn tagħhom kontinwu mal-istudenti, ma’ uliedna. Il-Kap tal-PN qal li hemm bżonn li nbiddlu l-mod kif naraw l-edukatur, mhux bħala l-persuna li jieħu ħsieb lil uliedna… imma bħala l-persuna li se jkun qed irawwem lil uliedna.

“L-edukaturi qegħdin jagħmlu lill-persuna aktar sħiħa”

Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista qed iħabbar diversi proposti f’setturi varji, inkluż l-edukazzjoni, u se jagħmel minn kollox biex il-professjoni tal-għalliema, tal-edukatur tkun imħarsa.

“L-għalliema ħaqqhom li jkollhom titjib fil-paga tagħhom”

Bernard Grech qal li l-għalliema għandna nistmawhom u nuruhom rispett u din hija l-missjoni tal-PN fejn se jkun qed iwettaq politika li ttejjeb l-edukazzjoni. Huwa qal li l-pagi se jkunu qed jittejbu billi l-għalliema taħt Gvern Nazzjonalista jidħlu fi skali aħjar, u dawk preżenti jkollhom opportunità li javvanzaw aktar u aktar li anki jtejbu l-għixien tagħhom.

Il-Kap tal-PN qal li Gvern Nazzjonalista se jiżgura wkoll li jkun hemm żidiet fis-salarji tal-għalliema fis-settur pubbliku jsiru wkoll fl-iskejjel tal-Knisja u fl-iskejjel privati, permezz ta’ taħlita ta’ assistenza diretta u krediti ta’ taxxa.

Intejbu l-ambjent tal-iskejjel tagħna

Huwa qal li Gvern Nazzjonalista se jinvesti wkoll fl-infrastruttura tal-iskejjel biex jadatta għal temperaturi dejjem jogħlew u miri ambjentali.

“L-iskejjel għandhom isiru aktar effiċjenti fl-enerġija, il-bjut għandhom jintużaw għall-pannelli solari, u l-klassijiet għandhom ikunu bl-arja kondizzjonata, li jippermettu li l-iskejjel jintużaw ukoll b’mod komdu matul is-sajf għal diversi bżonnijiet tal-komunità, inklużi skejjel tas-sajf”.

Aċċess għall-internet, aċċess għall-informazzjoni anki għall-istudenti tagħna”

Bernard Grech qal l-PN se jkun qed jinvesti biex l-istudenti jkollhom ir-riżorsi kollha li se jkunu qed jgħinu biex uliedna jimxu ‘l quddiem.

Il-Kap tal-PN qal li l-istudenti ma jistgħux ma jingħatawx prijorità. Huwa qal li Malta għandha tpoġġi l-edukazzjoni l-ewwel, anki fid-dawl tal-imxija tal-Covid-19.

Mistoqsi dwar l-attivitajiet tal-Indipendeza Bernard Grech appella lill-pubbliku biex jattendi bi ħġaru għall-attivitajiet li se jsiru fuq il-Fosos tal-Floriana. Huwa qal li fl-aħħar jiem ħarġu aktar fil-beraħ il-proposti tal-PN li laqtu diversi setturi, u se jkompli jniedi aktar proposti bil-għan li jtejbu lill-Malta.

“Komplu tuna l-ideat, il-PN se jkun il-Partit li jbiddel wiċċ Malta, li jagħti lil pajjiżna d-dinjità li tixraqlu”

Intant tul din is-sessjoni tkellmu għadd ta’ persuni ġejjin mis-settur tal-edukazzjoni, fosthom Dr. Charmaine Bonnello, li taħdem ma’ studenti ta’ età żgħira. Hija qalet li jeħtieġ aktar għajnuniet lill-edukaturi li jaħdmu mat-tfal ta’ etajiet bikrin, għaliex dawk l-etajiet huma kruċjali fil-formazzjoni ta’ uliedna.

Dr. Colin Calleja, id-Dekan tal-Fakultà tal-Edukazzjoni qal li l-Covid ġabet sfidi ġodda fuq is-sistema edukattiva, iżda f’pajjiżna hawn realitajiet oħra li sfortunatament għenu biex ikun hemm żieda fl-ammont ta’ early school leavers. Huwa qal li l-għalliema, minħabba l-kundizzjonijiet qed ibatu minn stress, u l-istess l-istudenti. Huwa appella biex il-PN jindirizza dawn l-isfidi fl-edukazzjoni.

Fl-intervent tagħha l-għalliema Elaine Vella Magri Demajo qalet li jeħtieġ żieda fis-soft skills, li jinkludu l-emozzjoni, l-integrità li se jkunu qed jgħinu l-għalliema jwasslu lill-istudenti mhux biss f’kuntest akkademika, imma anki għall-isfidi tal-ħajja, l-isfidi tad-dinja tax-xogħol.

Ritratti: Joseph Galea