Knisja Lokali

Proġett iffinanzjat mill-UE b’risq it-tfal u l-ħaddiema fid-Djar tal-Knisja

Tliet entitatjiet tal-Knisja jibbenefikaw minn fondi Ewropej

Tliet entitajiet tal-Knisja li jmexxu djar residenzjali għat-tfal se jaħdmu flimkien fuq proġett li se jkompli jtejjeb il-ħajja tat-tfal u l-adolexxenti li jgħixu fid-djar tal-Knisja. Dan il-proġett se jsir b’investiment ta’ €250,000 li 80% minnhom se jkunu kofinanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea u l-bqija se jiġu ffinanzjati mill-Knisja. Minn din ir-riċerka se jibbenefikaw mhux biss it-tfal iżda wkoll il-professjonisti li jaħdmu magħhom. Fil-preżent, f’dawn id-djar tal-Knisja jgħixu 72 tifel u tifla li ġejjin minn ċirkustanzi diffiċli fil-familja, u li ġew fdati lill-Knisja mill-Istat għall-kura u l-ħarsien tagħhom.

Fondazzjoni Sebħ, Fondazzjoni Dar San Ġużepp u St Patrick’s Residential Services, li bejniethom jieħdu ħsieb għaxart idjar residenzjali, fil-ġimgħat li ġejjin se jibdew din ir-riċerka li permezz tagħha ser jitfassal programm ta’ taħriġ li se jiffoka fuq ir-realtajiet u l-isfidi partikolari tat-tfal. Minnu se jibbenefikaw 80 ħaddiem fit-tliet entitajiet.

Barra minn hekk, 30 tifel u tifla u adolexxenti b’etajiet li jvarjaw minn seba’ snin sa 17-il sena, se jingħataw l-għodda u l-ħiliet meħtieġa biex ikunu jistgħu jintegraw aħjar fis-soċjetà u fid-dinja tax-xogħol, u b’hekk ikunu jistgħu jgħixu ħajja indipendenti. Dan se jsir permezz ta’ sessjonijiet terapewtiċi individwali kif ukoll workshops edukattivi. Il-proġett kollu hu mqassam fuq 18-il xahar.

Il-Vigarju Episkopali għad-Djakonija, Mons. Charles Cordina faħħar l-inizjattiva ta’ dawn it-tliet entitajiet tal-Knisja li qed jaħdmu flimkien biex ikomplu jtejbu l-kwalità tas-servizz li ilhom jagħtu għal ħafna snin. Qal li f’dan il-qasam iċ-ċentru ta’ kollox huma t-tfal għax il-Knisja temmen li ċ-ċentru ta’ kollox hu l-bniedem. Charles Cordina qal li l-Knisja, bil-ħidma li twettaq fis-soċjetà, tagħti lura d-dinjità lil dawk li huma żvantaġġjati u tgħinhom jimxu ’l quddiem. Huwa rringrazzja lill-Gvern tas-sehem tiegħu fi proġetti li jsiru bil-għajnuna tal-fondi Ewropej.