Futbol Sport

Tispikka il-partita bejn Birkirkara u Floriana fir-raba’ ġurnata

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Fir-raba’ ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier tispikka l-partita bejn Birkirkara u Floriana. Birkirkara, wara r-rebħa ta’ 2-1 kontra Balzan, jinsabu b’punti massimi minn tliet partiti fejn poġġew lilhom nfushom fost t-timijiet li se jiġġieldu għar-rebħ tal-Kampjonat. Min-naħa l-oħra Floriana għadhom ġejjin mill-ewwel rebħa tagħhom kontra r-rivali Valletta, liema rebħa kienet waħda dominanti, wara żewġ partiti li temmew fi draw. Fl-aħħar sitt konfronti bejniethom, Birkirkara ħarġu rebbieħa erba’ darbiet, bi Floriana jirbħu partita u partita oħra tintemm fi draw.

Partita oħra li tispikka matul din il-ġurnata hija dik bejn Valletta u Gżira. Valletta se jkunu qed iħarsu li jirreaġixxu wara t-telfa diżappuntanti li sofrew kontra Floriana, fejn se jkunu mingħajr id-difensur żagħżugħ Christian Gauci, li tkeċċa fl-istess partita. Min-naħa l-oħra Gżira huma għatxana għall-ewwel rebħa tagħhom dan l-istaġun hekk kif għadhom ġejjin minn draw kontra Sliema. L-aħħar konfornti bejn dawn iż-żewġ timijiet huma favur Gżira fejn rebħu tlieta mill-aħħar erba’ partiti bejniethom, b’Valletta jirbħu l-konfront l-ieħor.

Il-leaders attwali tal-Kampjonat Hibernians se jkunu qed jaffrontaw lil Mosta fit-Tony Bezzina Stadium. Hibernians jinsabu b’punti massimi u huwa l-aktar tim li skorja gowls sa issa fil-Kampjonat, 8 gowls. B’Jurgen Degabriele fl-attakk u l-aqwa skorer tal-Kampjonat attwali, Jake Grech, Hibernians se jkunu kunfidenti li jistgħu jiksbu t-tliet punti kontra t-tim li jinsab fl-aħħar post tal-klassifika b’punt wieħed biss. L-aħħar erba’ konfronti bejn dawn iż-żewġ timijiet huma dominati minn Hibernians fejn rebħuwhom kollha, b’Mosta mistennija jsibuha diffiċli biex iwaqqfu lil Hibernians.

Iċ-champions attwali Ħamrun se jkunu qed iħarsu li jkomplu jibnu fuq l-ewwel rebħa tagħhom meta jaffrontaw lil Balzan fl-Istadium Nazzjonali. Wara ż-żewġ telfiet kontra Valletta u Birkirkara, Ħamrun rebħu lil Mosta, bl-internazzjonali Malti Luke Gambin jiskorja l-ewwel gowl tiegħu mal-club. Min-naħa l-oħra Balzan se jkunu qed iħrasu li joffru sfida denja lil Ħamrun wara t-telfa li sofrew kontra Birkirkara. L-aħħar ħames konfronti bejn Ħamrun u Balzan kienu bilanċjati għall-aħħar b’erba’ konfronti jintemmu fi draw, b’Ħamrun jirbħu l-aħħar konfront 3-2.

KAMPJONAT BOV PREMIER

Illum Tony Bezzina Stadium Santa Lucia v Sirens 5.00pm, Hibernians v Mosta 9.00pm Stadium Nazzjonali Valletta v Gżira 7.00pm
Għada Stadium Nazzjonali Birkirkara v Floriana 5.00pm, Ħamrun v Balzan 9.00pm Tony Bezzina Stadium Sliema v Gudja 7.00pm