Lokali

Żewġ persuni jweġġgħu f’inċident li seħħ in-Naxxar

Mara u raġel mis-Swieqi ttieħdu l-Isptar għall-kura wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku li seħħ fin-Naxxar.

L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħaxija fi Triq il-Fortizza tal-Mosta.

Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li seħħet ħabta bejn żewġ vetturi tat-tip Volkswagen Polo misjuqa minn raġel ta’ 50 sena residenti s-Swieqi u Toyota IQ misjuqa minn Taljan ta’ 19-il sena. Fil-Volkswagen, kien hemm ukoll mara ta’ 48 sena residenti s-Swieqi. Fuq il-post waslet ambulanza kif ukoll Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu lill-vittmi.

Huma ngħataw l-għajnuna minn tim mediku fejn kemm il-mara kif ukoll it-Taljan ittieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għal aktar kura. Aktar tard, il-mara ġiet iċċertifikata li weġġgħet ħafif filwaqt li r-raġel ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.