Futbol Sport

Chelsea u Man Utd jilħqu lil Liverpool fil-quċċata tal-Premier League

(Ritratt: EPA)

Manchester United u Chelsea it-tnejn kisbu punti massimi mill-konfronti rispettivi ma’ West Ham Utd u Tottenham Hotspur – it-tnejn tims ta’ Londra – biex laħqu lil Liverpool f’ras il-klassifika tal-Premier League. Intant, it-tliet protagonisti tal-ogħla kampjonat għandhom tlettax-il punt kull wieħed — għalkemm Chelsea u Liverpool fil-preżent għandhom differenza ta’ gowls xi ftit aħjar mill-Ħomor ta’ Manchester.

Filwaqt li Manchester United kellhom jgħaddu minn mumenti drammatiċi għall-aħħar sakemm aċċertaw mir-rebħa fil-London Stadium, il-Blues ta’ Thomas Tuchel urew il-kwalità tagħhom biex jissuperaw lil Tottenham Hotspur f’derby ta’ Londra missielta li ntlagħbet fin-New White Hart Lane. Sadanittant, ir-Red Devils kisbu t-tliet punti meħtieġa mill-konfront mal-Hammers u fejn taw l-ewwel telfa tal-istaġun lit-tim ta’ David Moyes. Iżda minkejja li United bdew xi ftit aħjar mill-avversarji kienu West Ham li marru fil-vantaġġ meta Said Benrahma (30) ittanta xortih minn barra l-kaxxa, bil-ballun jaħbat ma’ sieq id-difensur ta’ United Varane u jqarraq għal kollox bil-gowlkiper David de Gea għall-1-0.

United wieġbu minnufih għad-disfatta u ħames minuti wara huma ġabu d-dro minn Ronaldo, li spara ġewwa minn rebound wara li l-gowlkiper ta’ West Ham Fabianski salvalu t-tentattiv inizjali. Fit-tieni taqsima, iż-żewġ naħat ħarġu jfittxu l-gowl importanti u r-referi Martin Atkinson warrab l-appelli tal-plejers ta’ United għal penalty wara li Ronaldo deher jitwaqqa minn Zuma fil-kaxxa u fejn ma kien hemm l-ebda rikors għall-VAR. Intant, il-mument deċiżiv kellu jkun ta’ Jesse Lingard li daħal jilgħab bħala sostitut u li fid-89 minuta skorja l-gowl tar-rebħa meta sammar il-ballun fir-rokna tax-xibka b’xutt bomba. Madankollu, kien fadal ħin għal aktar drama, bir-referi Atkinson, fil-ħin miżjud, jagħti penalty lil West Ham wara li Luke Shaw mess il-ballun fil-kaxxa biex jaqta’ il-kross ta’ Bowen. Dak il-ħin kienu għaddew ħames minuti fuq il-ħin u l-manager tal-Hammers iddeċieda li jdaħħal lil Mark Noble biex jinkariga ruħu mill-penalty – iżda s-sostitut veteran ra x-xutt mill-ħdax-il metru salvat b’abbiltà kbira minn de Gea u bir-Red Devils jiċċelebraw rebħa mill-aħħar mistħoqqa.

Daqstant ieħor mistħoqqa kienet ir-rebħa, 3-0, ta’ Chelsea fuq ir-rivali eterni Tottenham Hotspur u fejn huma ġabu fix-xejn lit-tim ta’ Nuno Espirito Santo – bil-gowls jaslu kollha fit-tieni taqsima. Tottenham bdew il-logħba fuq nota pożittiva iżda ma sfruttawx l-okkażjonijiet li kellhom fl-ewwel taqsima – bil-Blues juru titjib kbir fit-tieni 45 minuta fejn kisbu vantaġġ bikri minn Thiago Silva li għeleb lil Lloris bir-ras fuq il-korner ta’ Alonso. Chelsea għamilhom tnejn meta s-sostitut Kante ixxuttja mill-bogħod u bil-ballun jaħbat mal-plejer ta’ Spurs., Dier, qabel spiċċa fix-xibka, b’Lloris mill-ġdid megħlub. Il-gowl iddemoralizza għal kollox lil Tottenham u fil-ġin miżud, Antonio Rudiger reġa’ sab ir-rokna tax-xibka biex jikkonkludi riżultat impressjonanti. Intant, Chelsea, Liverpool u Manchester United huma anki l-uniċi tlett tims li ma sofrewx telfa waħda fil-league mill-bidu tal-istaġun.

Brighton komplew bil-bidu tal-istaġun brillanti b’rebħa, 2-1, fuq Leicester City biex issa telgħu fit-‘Top Four’ tal-Premier League,. L-ewwel goal tas-Seagulls wasal fl-ewwel taqsima minn penalty kontroversjali li ngħata wara l-‘hands’ diskutibbli ta’ Jannik Vestergaard fil-kaxxa u fejn Neal Maupay skorja t-tielet gowl tiegħu tal-istaġun. Brighton irduppjaw minn Danny Welbeck kmieni fit-tieni taqsima iżda mbagħad bdiet ir-rimonta tal-Foxes li naqqsu l-iżvantaġġ minn Jamie Vardy wara siegħa. Huma, wara, kellhom żewġ ‘gowls’ oħra mħassrin — fuq it-tentattivi ta’ Lookman u Ndidi – minħabba li Harvey Barnes kien spiċċa f’pożizzjoni ta’ offside waqt iż-żewġ azzjonijiet.

PREMIER LEAGUE

Il-Ġimgħa Newcastle v Leeds 1-1 Is-Sibt Wolves v Brentford 0-2, Norwich v Watford 1-3, Burnley v Arsenal 0-1, Man City v Southampton 0-0, Liverpool v C’Palace 3-0, Aston Villa v Everton 3-0, Il-Ħadd, Brighton v Leicester 2-1, West Ham v Man Utd 2-1, Tottenham v Chelsea 0-3