Internazzjonali

Franza fi ‘kriżi mal-alleati’ fost ir-rabja dwar patt storiku

Il-Ministru Franċiż għall-Affarijiet Barranin Jean-Yves Le Drian akkuża lill-Awstralja u l-Istati Uniti ‘talli gidbu’ dwar il-patt ġdid ts-sigurtà u meta l-Gvern ta’ Franza, fl-aħħar sigħat, sejjaħ lura lill-ambaxxaturi tiegħu fid-dawl tal-kriżi diplomatika li qed tiżviluppa mal-alleati.

Le Drian akkuża lill-pajjiżi involuti fil-ftehim storiku ‘b’li urew wiċċ ieħor ( lill-Franċiżi)’ u li kisru l-fiduċja li eżistiet bejniethom bħala alleati ewlenin.

Il-ftehim tad-difiża li ntlaħaq jiem ilu mill-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-Awstralja qed jaħseb biex irażżan l-influwenza dejjem qed tikber taċ-Ċina minn lat ġeopolitiku u li fost oħrajn jindirizza ‘l-indikazzjonijiet aggressivi min-naħa tar-reġim komunista f’ Beijing’.

Intant, il-patt magħruf bħala Aukus ‘għalaq il-bieb’ għal ftehim ekwivalenti għall-multibiljuni ta’ dollari li Franza kienet laħqet mal-Awstralja – bil-Prim Ministru Awstraljan, Scott Morrison, itenni li hu, permezz tal-iffirmar tal-patt, kien aġixxa fl-interess nazzjonali ta’ pajjiżu.

Morrison sostna li l-ftehim iffirmat fl-2016 ma’ Franza dwar il-bini ta’ 12-il sottomarin konvenzjonali ‘ma kienx se jilqa’ l-interessi strateġiċi tal-Awstralja’ — għalkemm fl-istess ħin ammetta li ‘jifhem id-diżappunt tal-Gvern Franċiż’.

Il-ftehim ta’ Aukus jaħseb biex l-Awsstralja tingħata t-teknoloġija meħtieġa biex tibni s-sottomarini ġġenerati mill-enerġija nukleari bħala mezz biex il-pajjiż jikkuntesta l-influwenza taċ-Ċina fil-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar…Zona fejn fl-aħħar xhur, żdiedu l-movimenti tal-bastimenti tal-gwerra ta’ Beijing.

Sadanittant, il-Ministru Le Drian, qal li l-alleati – f’dan is-sens pajjiżu, l-Istati Uniti, l-Awstralja u r-Renju Unit – jinsabu ‘fi kriżi serja ħafna’

Hu tenna li, għall-ewwel darba fl-istorja tar-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u Franza, il-Gvern f’Pariġi spiċċa jsejjaħ lura lill-ambaxxatur minn Washington għal konsultazzjonijiet dwar ‘dan l-att politiku serju’.

Il-Ministru kompla li l-ambaxxaturi huma involuti fi proċess intiż biex Franza ‘tevalwa mill-pdid is-sitwazzjoni’ li, skont il-Ministru, tirrifletti l-livell tal-kriżi li llum teżisti bejn Pariġi u l-Istati firmatarji tal-patt storiku.