Internazzjonali

Il-bidliet fil-klima resqin lejn livelli aktar perikolużi

Il-livelli tas-sħana dovuti għall-bidliet fil-klima jidhru li se jsiru jerġa’ aktar perikolużi għall-umanità – u meta d-dinja għad trid tieħu azzjoni urġenti fil-konfront tal-kriżi minkejja l-wiegħdiet tal-pajjiżi ‘li jieħdu azzjoni.’

Din kienet l-aħħar evalwazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti wara li l-esperti tagħha studjaw il-pjani ta’ ‘il fuq minn 100 pajjiż bil-għan li huma jindirizzaw il-problemi tal-klima – u fejn ħareġ il-konsensus li d-dinja ‘miexja fid-direzzjoni ħażina’.

Ix-xjenzati, issa, kkonfermaw li l-emissjonijiet tal-gassijiet (carbons) iridu jinqatgħu b’45 fil-mija sal-2030 u dan bil-għan li d-dinja tevita l-agħar impatt tas-sħana li qatt ma rajna bħalna u li fl-aħħar snin kompliet tikser ir-rekords kullimkien.

Jerġa’ aktar allarmanti hu li din l-analiżi ġdida qed turi li l-emissjonijiet tal-gassijiet  mistennija jitilgħu b’16 fil-mija matul dan il-perjodu.

Dan eventwalment jista’ jwassal biex it-temperaturi jitilgħu bi 2.7 gradi Celsius ‘il fuq mil-livell ta’ qabel l-era industrijali – u ‘il fuq sew mil-limiti stabbiliti mill-komunità internazzjonali.

Skont Patricia Espinosa, in-negozjatur ewlieni dwar il-klima għan-nom tan-Nazzjonijiet Uniti, iż-żieda ta’ 16 fil-mija għandha tqanqal lok għal tħassib  partikulari.

Espinosa spjegat li sitwazzjoni bħal din tirrifletti kuntrast qawwi ‘ma dak li qed titlob ix-xjenza’ u meta s-sejħa hi għal tnaqqis ‘rapidu, sostanzjali u sostenibbli tal-emissjonijiet’…Tnaqqis li għandu jevita l-agħar konsegwenzi u tbatija għan-nies li huma relatati mal-klima u fejn għandhom isofru l-aktar komunitajiet vulnerabbli fid-dinja.

It-twissijiet jenfasizzaw l-iskala tal-isfida li se jiffaċċjaw ir-rappreżentanti tal-pajjiżi waqt il-konferenza COP26 dwar il-klima li għandha ssir fi ftit aktar minn sitt ġimgħat oħra fi Glasgow, fl-Iskozja.

Il-Konferenza se tipprova żżomm ħajjin it-tamiet li d-dinja jirnexxilha tillimita ż-żieda fit-temperaturi globali, fost stennija għal konsensus konkret biex il-pajjiżi jnaqqsu dejjem aktar mill-emissjonijiet.