Lokali

“Il-konvinzjoni favur il-Partit Nazzjonalista qed tkompli tikber” – Graham Bencini

“Aktar ma jgħaddu l-ġimgħat u aktar ma niltaqa’ man-nies, qed nifhem dejjem aktar kif hemm differenzi evidenti u kbar bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista. Qed nifhem dejjem aktar ukoll kif aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar nies qed jifhmu b’konvinzjoni li min ikkrea l-problemi għal pajjiżna ma jistax ikun li jsolvihom hu, iżda jrid ikun ħaddieħor li jidħol fit-tmexxija tal-pajjiż u jsolvihom. Qed tiżdied b’konvinzjoni l-għajta favur il-Partit Nazzjonalista u dak li jrid isir issa hu li l-Partit Nazzjonalista jkompli juri l-kwalitajiet tiegħu, x’se jibdel f’pajjiżna u kif il-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter se jaqtagħhom għaliex dawn fnew l-għeruq ta’ pajjiżna.”

Graham Bencini, il-President tal-Kunsill Amministrattiv, qal dan f’intervista ma’ Il-Mument li fiha tkellem fid-dettall dwar dak li għaddej minnu bħalissa l-Partit Nazzjonalista.

Hu fisser kif il-familji Maltin u Għawdxin jixtiequ jgħixu b’serħan il-moħħ. Il-familji Maltin u Għawdxin ma jixtiqux li jibgħu jiddiskutu l-politika l-ħin kollu. Il-politika għajjiet lill-Maltin u l-Għawdxin u għalhekk fil-pajjiż hawn bidla lejn is-serħan tal-moħħ u lejn il-kredibbiltà ta’ pajjiżna li jista’ joffriha biss il-Partit Nazzjonalista.

Graham Bencini, miżżewweġ u missier ta’ tifel ta’ disa’ xhur, hu Accountant u jaħdem fis-settur tas-servizzi finanzjarji. Slimiż u eks plejer tat-tim nazzjonali Malti. Ħadem ukoll fil-kamp tal-volontarjat u beda jimmilita fil-Partit Nazzjonalista madwar 13-il sena ilu meta daħal fil-Kumitat Sezzjonali f’Tas-Sliema fejn serva wkoll bħala Viċi President.

Tmien snin ilu kien pijunier biex twaqqfet il-Fergħa Forum għall-Professjonisti fejn sa ftit ġimgħat ilu kien jokkupa l-kariga ta’ President tal-istess fergħa. Illum hu wkoll membru tal-Eżekuttiv u l-President tal-Kumitat Amministrattiv.

Graham Bencini fisser li “bħala President tal-Kunsill Amministrattiv hu rwol ġdid għalija. Il-Kunsill Amministrattiv għandu diversi rwoli u bħala President l-aktar li se nkun qed niffoka fuqha, apparti mir-rwoli statutorji tiegħi, hu li nġibu lill-Partit viċin in-nies. Irridu ninvolvu lill-fergħat, lill-kumitati sezzjonali u lill-istrutturi l-oħra kollha fit-Tmexxija tal-Partit.

“Nixtieq li n-nies hemm barra jkunu viċin tat-Tmexxija u l-Amministrazzjoni tal-Partit; nixtieq li l-istrutturi l-oħra kollha jilagħbu rwol aktar importanti fil-Partit. Kemm fil-fergħat kif ukoll fil-kumitati, hemm nies li huma kapaċi u kompetenti; nies serji u ta’ rieda tajba; nies li tassew jixtiequ jkunu parti minn dan il-bidu; nies li forsi m’aħniex nutilizzaw biżżejjed. Nixtieq nara involviment akbar u nixtieq li fil-Partit ninvolvi ħafna aktar nies.

Qed nara lill-Partit Nazzjonalista li qed jgħaddi minn proċess ta’ riġuvinazzjoni wara li ftit tax-xhur ilu għadda minn trawma, imma issa qed jikkonsolida l-bażi tiegħu u qed jipprepara lilu nnifsu biex ikun gvern alternattiv serju.”

Dan qed jagħmlu billi qed joħroġ proposti ġodda, ideat ġodda u qed jipprepara lilu nnifsu għall-bidliet li hawn bżonn fil-pajjiż.

Pajjiżna mhux f’sitwazzjoni tajba. Kulħadd jaf bil-problemi li qed ikollu jiffaċċja l-poplu Malti u Għawdxi. Għandna problema kbira internazzjonali ta’ kredibbiltà. Meta titlef il-kredibbiltà, din ma tistax iġġibha lura bl-istess nies li oriġinarjament ikunu tellfu din il-kredibbiltà lil pajjiżna.

Peress li għandna ħafna mis-setturi f’pajjiżna, bħas-settur tas-servizzi finanzjarju, is-settur marittimu, is-settur tal-avjazzjoni, is-settur tal-gaming, is-settur tal-funds, is-settur bankarju, is-settur farmaċewtiku… u diversi setturi oħrajn li nħolqu minn Gvern Nazzjonalista u li huma kollha bbażati fuq il-kredibbiltà, allura hi l-prijorità nazzjonali li jkollna bidla li tista’ twassal biex pajjiżna jista’ jerġa’ jakkwista l-kredibbiltà li kellna.

“Qed nara Partit li qed jattira nies ġodda fi ħdanu. Partit b’enerġija ġdida. Partit b’nies ġodda li lesti jxammru l-kmiem biex ikunu parti minn din il-bidla,” fisser Graham Bencini.

Hu kompla li naturalment mhux kollox ward u żahar. Hemm l-isfidi u dawn l-isfidi rridu negħlbuhom. Il-mistoqsija hi kif se negħlbu dawn l-isfidi. Negħlbuhom billi nisimgħu lin-nies kif qed nagħmlu. Billi navviċinaw lin-nies kif qed nagħmlu. Nisimgħu l-ilmenti tagħhom u l-weġgħat tagħhom. U nindirizzawhom bl-aħjar mod possibbli.

“Irridu nifhmu li biex il-bidla sseħħ, ilkoll kemm aħna rridu nkunu parti minnha. U dak hu li qed nagħmlu.”

Mistoqsi dwar il-fatt li hawn min hu mdejjaq bil-Gvern Laburista, iżda hu xettiku jekk għandux jivvota lill-Partit Nazzjonalista, Graham Bencini qal li din hi esperjenza li qed jiltaqa’ magħha wkoll fiż-żjarat li jagħmel fid-djar. Qed niltaqa’ ma’ nies li għal xi raġuni jew oħra ma jridux jivvutaw. Jew għaliex m’għandhomx grazzja ma’ xi ħadd fil-Partit. Jew għaliex ma jemmnux aktar fil-politika. Jew għal xi raġun oħra.

Lil dawn in-nies ngħidilhom li jekk m’għandekx grazzja ma’ xi ħadd partikulari, allura ivvota lil xi ħadd ieħor li għandek fiduċja fih jew fiha.

Il-vot hu l-uniku għodda biex dak li jkun jiddeċiedi kif dan il-pajjiż jista’ jitmexxa.

Billi dak li jkun ma jivvutax, dak li jkun ikun qed jirrinunzja għal dak id-dritt demokratiku li int għandek u li dan id-dritt jiġik darba kull ħames snin.

Għal dawk in-nies li tilfu l-fiduċja fil-politika minħabba xi raġuni jew oħra, jien ngħidilhom li l-politika mhux bilfors li tkun maħmuġa. Fil-politika hemm nies ġenwini u ta’ rieda tajba. Hemm nies li mhumiex hemm għall-gwadann personali tagħhom, iżda biex ikollna pajjiż aħjar għall-familji tagħna lkoll.

Mistoqsi dwar il-kwistjoni tal-għaqda fil-Partit li minn żmien għal żmien ikun hemm min isemmi, Graham Bencini qal li differenzi se jkun hemm dejjem, partikularment f’Partit bħal tagħna li hu magħmul minn fehmiet diversi kif dejjem kellna.

Iżda fl-aħħar mill-aħħar, allavolja din mhix xi ħaġa ħażina li jkollok fehmiet differenti, l-iskop tagħna lkoll għandu jkun l-istess… ċioè li jkollna pajjiż fejn il-ħażin ngħidulu ħażin u fejn it-tajjeb nirrikonoxxuh. B’hekk biss jista’ jkollna pajjiż li jipprovdi opportunitajiet indaqs għal kulħadd, kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd, ambjent aħjar għal kulħadd u pajjiż li verament tista’ tkun kburi.

Għal sensiela ta’ mistoqsijiet dwar kif ċerti nies qed jirraġunaw fil-konfront tal-Partit Laburista li jaqdi lil kulħadd, saħansitra issa lejliet l-Elezzjoni Ġenerali jipprovdi wkoll ċerti konsulenzi u impjiegi, Graham Bencini qal li b’dawn il-prattiċi, filwaqt li dak li ħa l-konsulenza jew id-direct order jew l-impjieg mal-Gvern qed jiggwadanja hu jew hi, fl-aħħar mill-aħħar hu piż finanzjarju li lkoll kemm aħna – Laburisti, Nazzjonalisti u oħrajn bla partit – se jkollna nġorru.  

Qed naraw x’qed jiġri f’Għawdex, avolja l-Gvern qed jagħti impjiegi bl-addoċċ lil kulħadd, qed naraw lis-settur tan-negozju f’Għawdex ibati għaliex mhux isib ħaddiema biex iservu fih.

L-aqwa riżorsa f’kull settur hi r-riżorsa umana. Meta l-Gvern, lejliet Elezzjoni Ġenerali, joħodlok l-aktar riżorsa importanti li jkollok, allura qed ixekklek mill-operat tiegħek.

Tajjeb li n-nies jinqdew u li aħna bħala Partit nitgħallmu mill-iżbalji tal-imgħaddi, iżda kull estrem hu ħażin.

Mistoqsi dwar il-mod kif il-Partit Nazzjonalista se jkun qed iwassal il-messaġġ tiegħu anki invista ta’ Gvern li m’għandu l-ebda problemi ta’ finanzi biex iwassal il-messaġġ tiegħu, Graham Bencini spjega li d-differenza tagħna hi li l-Partit Nazzjonalista jiddependi fuq il-ftit mingħand il-ħafna.

Il-Partit Nazzjonalista għandu stazzjon televiżiv wieħed kuntrarju għall-Partit Laburista li għandu l-istazzjon televiżiv tiegħu u għandu l-istazzjon tal-Istat li flok qed ikun bilanċjat qed iwassal l-aġenda tal-Gvern u tal-Partit Laburista.

Il-Partit Nazzjonalista jħallas hu personalment għall-avviżi fuq il-media soċjali, filwaqt li l-Gvern ripetutament – u dan hu konfermat ukoll minn rapporti tal-Kummissarju tal-Istandards – avviżi fuq il-media soċjali minn membri tal-Gvern huma mħallsa mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi.

Mistoqsi dwar il-ħidma li qed iwettaq il-Partit Nazzjonalista biex jilħaq firxa akbar ta’ nies u biex iwassal b’mod effettiv il-messaġġ tiegħu, Graham Bencini qal li l-kandidati qed jagħmlu ħafna viżiti fid-djar, l-Uffiċċju Informazzjoni qed jilħaq lin-nies billi jisma’ lin-nies, permezz tal-platform il-ġdida qed jilħaq lin-nies ukoll b’mod virtwali u diġitali, iżda naturalment hemm il-limitu tal-ħin.

Għalhekk nappella lil dawk in-nies kollha li forsi jridu jitkellmu ma’ xi uffiċjal jew kandidat tal-Partit Nazzjonalista, għaliex forsi ma lħaqniex inżuru lil dawn in-nies, biex jagħmlu kuntatt magħna u jkun il-pjaċir tagħna li nisimgħu s-suġġerimenti u l-weġgħat tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista qed jagħmel impenn li jisma’. Forsi fil-passat kien hemm ċerti żbalji, iżda nassigura lil kulħadd illum li l-Partit Nazzjonalista tgħallem ħafna mill-passat tiegħu u llum qed jagħmel impenn qawwi biex jisma’ l-vuċijiet ta’ kulħadd.

Irridu nitkellmu dwar il-preżent u dwar il-futur immedjat. Fuq il-preżent iva hemm kampanja li rridu nisimgħu lin-nies u hemm bżonn li nibqgħu nisimgħu lin-nies kemm meta aħna fl-Oppożizzjoni u wisq aktar meta nkunu fil-Gvern.

Mistoqsi fuq il-voluntieri tal-Partit, Graham Bencini qal li dawn huma l-aktar nies li juruk kemm verament għandhom għal qalbhom lill-Partit u lill-pajjiż. Dawn huma nies li jiġu jqattgħu sigħat twal f’ħidma volontarja għall-Partit; nies li jikkontribwixxu kemm lill-Partit u anki lill-pajjiż. Dan qed jagħmluh bl-aktar mod diżinteressat f’termini ta’ flus jew affarijiet oħrajn għaliex litteralment jagħmlu minn qalbhom mingħajr ma jistennew xejn lura.

“Lil dawn il-voluntieri filwaqt li nirringrazzjahom u nħeġġeġ aktar nies biex jagħtu d-daqqa t’id tagħhom lill-Partit, nirringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Media Link u tal-kumpaniji l-oħrajn li jaqgħu taħt il-kappa tal-Partit Nazzjonalista għax dawn ukoll huma nies li ċertament jaħdmu ħafna aktar milli wieħed jaħseb.”

Graham Bencini qal li dawn huma jiem eċċitatanti u importanti ħafna lejliet Elezzjoni Ġenerali. Issa wasal il-waqt tal-ġudizzju. Dan hu l-mument fejn kull persuna trid tagħmel id-dover tagħha għaliex kull persuna tista’ tgħin biex tbiddel ir-rotta politika ta’ pajjiżna.

Għalhekk inħeġġeġ lil kulħadd, nies li mhux neċessarjament huma Nazzjonalisti, nies li forsi sa reċentement kienu jemmnu fil-Partit Laburista iżda li llum m’għadhomx jemmnu fil-Partit Laburista anzi jħossuhom ittraduti minnu, u lil dawk kollha li m’għandhomx Partit biex jingħaqdu f’din il-mixja tal-Partit Nazzjonalista ħalli flimkien nagħtu tama ġdida lil pajjiżna, temm Graham Bencini.