Lokali

Il-PN kommess li jġib niċeċ ġodda tal-ekonomija – Bernard Grech

Il-Partit Nazzjonalista jrid iġib niċeċ ġodda tal-ekonomija minflok ma jibbaża kollox fuq l-iskema tal-bejgħ tal-Passaporti. Għax bil-proposti tiegħu, il-Partit irid jara li n-negozji jagħmlu kuraġġ, ladarba jemmen li jista’ jkompli jsaħħaħhom.

Hekk iddikjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista matul intervista Fuq il-Fosos tal-Furjana bħala parti mill-attivitajiet tal-Festi tal-Indipendenza.

Intervistat mill-ġurnalist tal-media Laburista Colin Deguara, Bernard Grech nnota kif m’hemmx ekonomista wieħed li ħadha kontra l-proposti tal-Partit Nazzjonalista biex tkun mgħejjuna l-ekonomija tal-bniedem.

Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta proposti bbażati fuq pjan fit-tul, għall-kuntrarju tal-Partit ta’ Robert Abela li, kemm ilu fil-Gvern, dejjem ħa deċiżjonijiet skont il-mument.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit immexxi minnu jemmen li għas-saħħa tan-nies jagħmel kollox, filwaqt li l-Partit ta’ Robert Abela jagħmel kollox biex jipproteġi lill-kriminali.

Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista jemmen li għall-ħajja tan-nies m’hemmx prezz, filwaqt li l-Partit Laburista jaf il-prezz ta’ kollox, iżda mhux il-valur tal-bniedem.

Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista hu tama għal min qed ibati u lest iħallas għall-kura ta’ kull Malti u Għawdxi. Tratta wkoll is-sitwazzjoni fil-PBS, li qal li ma għandux ikun maħkum mill-Gvern Laburista, iżda jkollu l-obbligu li jinforma mhux il-vuċi biss tal-Partit Laburista.

Hu qal li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna tista’ tinkiseb lura biss grazzi għall-Partit Nazzjonalista.

Dwar l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li b’umiltà, il-Partit immexxi minnu għandu jifhem li jrid jaħdem aktar. U bħalma ma beżax mill-isfidi biex iġib ix-Xogħol, il-Ġustizzja u l-Libertà, kif ukoll biex daħħal lil pajjiżna fl-Unjoni Ewropea u sfidi oħrajn, hekk ukoll mhux se jibża’ mill-isfidi elettorali.

Mistoqsi wkoll dwar ir-relazzjoni tiegħu mal-eks Kap tal-Partit, Adrian Delia, Bernard Grech li t-tnejn għandhom relazzjoni tajba, ħadmu u se jibqgħu jaħdmu flimkien għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Hu faħħar ukoll l-impenn ta’ dawk li jappoġġjaw lill-Partit Nazzjonalista għax qal li dawn huma s-suldati li jemmnu li l-Partit jista’ jkun l-għażla naturali għal pajjiżna.