Għawdex Lokali

“Il-wegħdi ta’ Abela għal Għawdex huma aktar bżar fl-għajnejn ftit qabel l-elezzjoni, ma jitwemmnux għax il-fatti ta’ 8 snin tal-Labour juru ħaġa oħra” – PN


“Ilbieraħ Robert Abela wiegħed 50 miljun ewro f’fondi Ewropej għal Għawdex. Tajjeb kieku. Pero l-Gvern Laburista kellu diġà tmien snin ċans iwettaq proġetti Ewropej iżda falla. Fi tmien snin u nofs u nefaqx ċentezmu wieħed ta’ fondi Ewropej fuq toroq f’ Għawdex.”

Kien dan li ntqal minn stqarrija maħruġa mill-Kelliem għal Għawdex f’isem il-Partit Nazzjonalista, Chris Said fejn tkompli li l-Gvern Laburista tilef 4 miljun ewro ta’ fondi Ewropej għall-Mużew ta’ Għawdex li għax waqgħu lura, issa ser ikollu jitħallas minn but il-poplu meta seta’ sar mill-flus tal-Ewropa. Rema ukoll 2 miljun euro oħra ukoll meta xtraw 6 karozzi tal-linja elettriċi li flok intużaw għall-Għawdxin intefgħu żdingati f’bitħa fix-xagħra.

L-istqarrija tgħid li Abela issa jrid iwebbel lil Għawdxin li ser jonfoq il-flus tal-Ewropa għal proġetti f’Għawdex meta fl-aħħar tmien snin ma rnexxielu jagħmel l-ebda proġett infrastrutturali maġġuri b’fondi  Ewropej f’Għawdex. Mhux hekk biss iżda f’Għawdex Abela naqas li jagħmel referenza għas-settur tas-saħħa fejn Gvern Laburista biegħ l-uniku sptar li hemm f’Għawdex lill-privat.  Abela ma kellu l-ebda risposta għall-proposti ċari u konkreti tal-PN għall-qasam tas-saħħa f’ Għawdex fosthom li l-isptar ta’ Għawdex ma jibqax tal-privat u jinbena sptar ġdid ta’ 400 sodda u jiddaħħlu servizzi ġodda bħal dak tal-MRI u kimoterapija f’ Għawdex stess.

Il-PN qal fl-istqarrija li jekk Abela verament irid iwassal l-Ewropa f’Għawdex jeħtieġ jibda mill-bażiku, u japplika wkoll prinċipji Ewropej bħal ‘equal pay for equal work’, prinċipju li qed jinkiser ta’ kuljum b’inġustizzja kbira permezz ta’ kuntratti għal xogħol prekarju ma entitajiet fejn ħaddiema oħra jitħallsu ferm aktar għall-istess xogħol.

L-Għawdxin bdew jindunaw min għandu verament il-kompetenza li jiggarantixxi futur aħjar għal Għawdex. 

F’ Għawdex Abela ipprova jirkeb fuq uħud mill-proposti tal-PN għall-aċċessibilitá aħjar.  Wiegħed airlink – xi ħaġa li ilha tiġi mwegħda f’ disa’ budgets li saru mill-Gvern tiegħu u li baqgħet ma saritx.

Ipprova jikkopja wkoll il-proposta tal-PN  ta’ żewġ vapuri ġodda. Abela ikkupjahom għax ra li intlaqgħu tajjeb ħafna. Iżda ikkupjahom nofs leħja. Pero anke hawn falla għax wiegħed biss vapur wieħed ġdid u nesa l-vapur ġdid għall-merkanzija – servizz li tneħħa mill-Gvern tiegħu ħames snin ilu u baqa’ ma reġax ġie ntrodott.

L-istqarrija tgħalaq billi tgħid li l-vapuri ġodda jeħtieġu wkoll ambizzjoni akbar għal Għawdex billi jitkabbar il-port. Jeħtieġ ukoll ambizzjoni ġdida għall-manifattura ġo Għawdex, għalhekk gvern ġdid Nazzjonalista jara li jkun hemm vapur ukoll għall-merkanzija, biex f’Għawdex noħolqu xogħol ta’ vera, mhux dak prekarju mal-kuntrattur, u s-settur privat jerġa’ jsir il-mutur li l-Partit Laburista ħonoq u ġġamja fl-aħħar snin.