Il-Ħadd filgħodu, il-Partit Laburista organizza attività ta’ sagħtejn, attività li fiha l-Labour tkellem dwar is-settur tas-saħħa. Sagħtejn, li minkejja li l-maġġorparti tagħhom kienu dwar is-settur tas-saħħa f’pajjiżna, fl-ebda ħin ma ssemmiet is-sitwazzjoni tal-bejgħ tal-isptarijiet lil Vitals u Steward Healthcare.
Dan id-deal li għamel il-Labour, apparti li qed jiswa lill-poplu Malti miljuni fis-sena – mingħajr ebda investiment lura minn Vitals u Steward fl-isptarijiet tagħna – se jiswa lill-Maltin u l-Għawdxin, mitt miljun ewro jekk jiġi terminat. Dan wara ftehim minn wara dahar kulħadd li l-Partit Laburista fil-Gvern għamel ma’ Vitals u Steward. Anke jekk dawn tal-aħħar ma taw xejn lura għall-flus kbar li ħallasnihom.
Iżda, wara sagħtejn attività dwar is-saħħa, huwa evidenti li l-Labour għadu ma ħariġx b’soluzzjoni, kif kien evidenti wkoll, li għal xi raġuni, kull kelliem f’din l-attività inkluż id-Deputati Mexxejja tal-Labour, ħarbu għal kollox milli jsemmu dan id-deal li qed jiswina għexieren ta’ miljuni fis-sena.
L-attività tal-Ħadd, li għaliha l-Prim Ministru Robert Abela għal xi raġuni m’attendiex, ingħalqet b’diskors tad-Deputat Mexxej tal-Labour, Daniel Micallef. Hu saħaq li jipprova ma’ jgħid xejn imma l-istonku ma jtieħx fejn semma’ artiklu li deher fuq dan is-sit dwar id-diskors ta’ Robert Abela f’Għawdex, Micallef saħaq li mhux vera li Robert Abela qed jikkopja l-proposti tal-Partit Nazzjonalista. Pero, il-verità hi, li filfatt, waqt diskors li għamel fil-gżira Għawdxija, il-Prim Ministru infexx f’litanija ta’ ftaħir li se jkun hu li jagħmel l-‘air link’ bejn Malta u Għawdex, proposta li ħareġ biha ix-xahar li għadda il-Partit Nazzjonalista fejn fost l-oħrajn apparti l-air link ppropona li jitkabbar il-Port tal-Imġarr u żewġ vapuri ġodda.
Għal kuntrarju tal-Partit Nazzjonalista li ħass li għandu jsir titjieb fil-qasam tas-saħħa fosthom li l-Għawdxin jerġgħu jieħdu s-servizz tas-saħħa f’idejhom kif ukoll Sptar Ġenerali ġdid, modern u attrezzat, il-Prim Ministru waqt id-diskors tiegħu ħass li m’għandux jagħti importanza lil dan is-settur u ma semma xejn dwar dan, l-isetss kif għamel meta l-Partit li hu jmexxi organizza attività dwar is-saħħa li hu fiha ma deher imkien.
Intant, minkejja li d-Deputat Mexxej tal-Labour saħaq li l-PL qed jindirizza l-problemi tan-nies, imkien ma semma kif se tkun indirizzata l-karba tal-poplu Malti dwar l-għoli tal-ħajja. Dan meta aktar kmieni din il-ġimgħa f’ċifri ppublikati mill-Gvern juru li l-indiċi tal-prezzijiet fix-xahar t’Awwissu żdied meta mqabbel ma’ Lulju.
Ritratti: Joseph Galea
//= $special ?>