Lokali

L-aħbarijiet fuq TVM għal darb’oħra bi propoganda sħiħa favur il-Gvern

Bulettin ieħor, l-istess diska. L-aħbarijiet fuq Television Malta għal darb’oħra bi propoganda sħiħa favur il-Gvern u rappurtaġġ kontinwu ta’ dan li jorganizzaw il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari.

Fil-Bulettin tat-8pm tat-18 ta’ Settembru, nofs il-bullettin kien kollu ddedikat għall-attivitajiet organizzati mill-Gvern Laburista. In-nofs l-ieħor kien dwar aħbarijiet oħrajn lil hinn mill-politika u 5% fil-mija biss dwar il-vuċijiet differenti minn tal-Gvern inkluż dak tal-Oppożizzjoni.

Infatti, l-ewwel rappurtaġġ dwar dak li qalet l-Oppożizzjoni kien qabel ir-riklami, bla kumment jew intervisti.

Il-PBS irrapporta lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista u l-attivita’ f’Ħ’Attard wara li kien diġa xandar ħames kummenti minn membri tal-Kabinett u l-propoganda tagħhom inkluż żewġ kummenti tal-Prim Ministru.

Nies viċin il-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Television Malta qalu lil Net News li filwaqt li t-talent fil-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS hu wieħed tajjeb ħafna, l-iżbilanċ qawwi favur il-propoganda tal-Gvern hu kawża tal-politika editorjali ddettata minn uffiċċjali qrib Kastilja u l-Gvern Laburista.